San Patrizju jtella’ tnejn il-Qorti

Jidher li sforz il-ħidma tal-Pulizija, dis-sena ċ-ċelebrazzjonijiet fil-festa ta’ San Patrizju ftit ġiebu inkwiet magħhom, hekk kif mit-30,000 persuna li attendiet, kien hemm biss żewġ arresti.
Il-Pulizija qalet dan fi stqarrija lil Newsbook.com.mt, xi jiem wara l-mistoqsijiet li ntbagħtulha.
L-għada tal-attività, li saret fis-17 ta’ dax-xahar primarjament f’San Ġiljan, Newsbook.com.mt kien tkellem mal-Kappillan tal-lokalità, Dun Claude Portelli, u anki mas-Sindku Gwido Dalli.
It-tnejn fil-fatt faħħru ħafna xogħol il-Pulizija.
Sadanittant, il-Pulizija qalet li waqt il-festa il-Pulizija ta’ San Ġiljan daħlulha żewġ rapporti dwar argumenti. Meta l-Pulizija marru fuq l-ewwel rapport ma sabu xejn, filwaqt li meta marru fuq it-tieni rapport, ġew arrestati żewg persuni.
Wieħed mill-arrestati tressaq il-Qorti u ġie akkużat li hedded lill-Pulizija, filwaqt li l-persuna l-oħra se titressaq il-Qorti akkużata b’sokor.
Fl-Ghassa tal-Qawra u f’dik tal-Mellieħa ma daħlu ebda rapporti dwar argumenti.
Il-Pulizija qalet li kien hemm rieda kbira mill-Pulizija biex il-festa tgħaddi b’wiċċ il-ġid, tant li sostniet li did-darba ma tistax titqabbel mas-snin ta’ qabel.