San Patrizju: “35 tojlit ma kinux biżżejjed” – is-Sindku

Is-Sindku ta’ San Ġiljan, Gwido Dalli, qal li għalkemm kollox mar tajjeb ferm dis-sena, iħoss li ma kienx hemm biżżejjed mobile toilets fl-inħawi ta’ San Ġiljan fejn attendew mat-30,000 persuna biex jiċċelebraw il-festa ta’ San Patrizju.
Aktar kmieni Newsbook.com.mt tkellem mal-Kappillan tal-lokalità, Dun Claude Portelli, li faħħar ix-xogħol tal-Pulizija għall-mod kif żammew l-ordni u s-sigurtà.
Mistoqsi dwar it-tħejjijiet loġistiċi, Dalli rrimarka li 35 tojlit ma kinux biżżejjed biex jaqdu lil dawk in-nies kollha, u qal li s-sena d-dieħla jipprova biex minn tal-inqas jinġiebu 200 wieħed.
Tkellem ukoll dwar il-mużika, u qal li jemmen li kienet għola żżejjed, hekk kif irrakkonta li ħass l-isteering jitriegħed ħin minnhom meta daħal fil-karozza.
Madankollu, mistoqsi dwar il-ħinijiet tad-daqq, is-Sindku faħħar lill-Pulizija għax qal li f’nofsillejl neqsin sekonda d-daqq intefa kollu, u kulħadd żamm mal-ħin stipulat.
Semma wkoll in-numru ta’ emerġenza li twaqqaf apposta għal San Patrizju, u rrefera għal liġi f’San Ġiljan li wieħed ma jistax iur fit-triq b’kontenituri tal-ħġieġ. Qal li kulħadd osserva dan.
Tkellem ukoll dwar il-Park&Ride, u li għenet xi ftit lit-traffiku.
NGOs u ħwienet jgħinu lil xulxin
Dalli aċċenna wkoll għal inizjattiva li ħa l-kunsill dis-sena, hekk kif m’aċċettax tined ta’ ħwienet biex ibigħu barra, iżda dawk biss ta’ 8 għaqdiet mhux governattivi.
Mistoqsi għala, Dalli qal li ftehmu ma’ tal-ħwienet biex dawn ma jarmawx fil-festa, u jħallu lil dawn l-għaqdiet jarmaw huma u jaqilgġu xi ħaġa tal-flus.
Dawn l-istess għaqdiet, waħda tal-futbol, waħda tal-waterpolo, u l-bqija tal-festa, diġà jqallgħu l-flus lil tal-ħwienet meta jorganizzaw il-festa, u allura tal-ħwienet ċedewlhom ftit biex kulħadd jibbenefika.
Finalment, filwaqt li qal li kien hemm progress kbir mis-sena l-oħra, is-Sindku ta’ San Ġiljan xtaq jirringrazzja lill-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo li organizzat u laqqgħet lill-Pulizija, tat-traffiku u l-ħwienet, lis-Supretendent Raymond D’Anastasi u l-istaff tiegħu, lil Transport Malta, lil Philip Fenech mill-GRTU, lill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u lill-istaff kollu tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.
Temm jiskuża ruħu għal xi inkonvenjent li seta’ nqala’.