San Patrizju: 20,000 mistennija llejla f’San Ġiljan

Is-Sindku ta’ San Ġiljan Guido Dalli qal li aktar minn 20,000 persuna llum mistennija jmorru San Ġiljan għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum San Patrizju (St Patrick’s Day).
Waqt il-programm Newsline for RTK 103FM, is-Sindku spjega x-xogħol kollu li sar sabiex ikun assigurat li l-ġurnata tgħaddi mingħajr intriċċi.
Spjega kif kmieni dalgħodu, il-Pulizija kienet diġà stazzjonata fit-toroq ta’ San Ġiljan, hemm sistema ta’ mmaniġġjar tat-traffiku u ftehim mal-ħwienet u dawk kollha involuti sabiex l-ispejjeż li ġġib magħha din il-ġurnata jinqasmu bejn kulħadd.
Madwar San Ġiljan ġew stazzjonati wkoll mat-30 toilet u tliet ambulanzi lesti f’każ ta’ emerġenza.
Imma Jum San Patrizju għax-xorb biss imfakkar?
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum San Patrizju (St Patrick’s Day) għandhom tifsiriet diversi għal nies differenti. Madanakollu, f’dan il-jum oriġinarjament il-poplu Irlandiż ifakkar il-mewt tal-Qaddis Patrun tal-Irlanda, San Patrizju.
Fis-seklu ħamsa, San Patrizju kien qed jaqdi l-missjoni tiegħu fl-Irlanda u minn hemm sar figura ammirata, speċjalment mal-Kattoliċi tal-pajjiż, bħala l-persuna li ġab il-Kristjanità lill-gżira.
Minkejja li San Patrizju huwa meqjus bħala Qaddis, hu qatt ma ġie kkanonizzat minn Papa, u l-festa li tfakkru żdiedet mal-kalendarju liturġiku uffiċjali tal-Knisja fil-bidu tas-seklu 15. Minn dak iż-żmien ’l hawn, fl-Irlanda, is-17 ta’ Marzu saret obbligatorja li wieħed jisma’ l-Quddies.
Sas-seklu 16, Jum San Patrizju kien iċċelebrat l-aktar fl-Irlanda, u kien jum serju u reliġjuż fejn il-kattoliċi jinġabru għat-talb.
Il-ġurnata li tfakkar lil San Patrizju saret festa pubblika fl-Irlanda fl-1903, madanakollu iċ-ċelebrazzjonijiet fis-sebgħinijiet, qabel ma tneħħiet il-projbizzjoni fuq ix-xorb, kienu kemxejn differenti.
Fis-sebgħinijiet, in-nies kienu jibdew billi jisimgħu Quddiesa kmieni filgħodu u jħallu ċ-ċelebrazzjonijiet għal wara nofsinhar. Għal dik il-ġurnata biss, kienu jkunu jistgħu jieklu l-laħam, minkejja li l-festa tiġi fi żmien ir-Randan. Kienu wkoll jinġabru flimkien f’ċelebrazzjonijiet kollha kant u żfin.
Il-ġurnata ta’ San Patrizju, inbidlet f’dik li nafuha llum wara l-ewwel parata uffiċjali fl-Amerka, fl-1848. Madanakollu fl-Irlanda l-ewwel parata saret fl-1931.
Illum iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum San Patrizju saru kważi kważi attrazzjoni turistika għall-Irlandiżi aktar milli festa solenni. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jattendu għalihom madwar miljun persuna u qed jiġu imitati f’bosta pajjiżi madwar id-dinja, inkluż Malta.
Ritratti: Joe Hackney, Clifton Fenech