San Ġużepp…żeppoli u xemx tiżreġ!

Bosta huma dawk li llum ħatfu l-okkażjoni u gawdew il-btala pubblika ta’ San Ġużepp, mal-familja u l-ħbieb b’xi passiġġata jew ħdejn il-baħar.
Għal min iħobb żaqqu u fi żmien ir-Randan jiċċaħħad mill-ħlewwiet, ikun jistenna dan il-jum għall-isfineġ jew żeppoli.
Din ir-riċetta tradizzjonali tmur lura għal żmien il-ħakma tal-Imperu Ruman u nbidlet ftit fis-seklu 19.
Il-kelma sfineġ ġejja minn dik Għarbija ‘isfanġ’ li hija għaġina ħelwa moqlija u miksija biz-zokkor jew ġulepp.
Fi Sqallija jirreferu għalihom bħala Sfinci di San Guseppe u minkejja li huma simili għal dawk li nagħmlu f’Malta, jimlewhom biss b’irkotta ħelwa u ftit qxur ta’ larinġa jew lumija.
Il-festa ta’ San Ġużepp tiġi ċċelebrata fost l-oħrajn fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù tal-Patrijiet Franġiskani Minuri fir-Rabat. Issir ukoll purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġużepp.