San Ġużepp offra lil Kristu familja soda

San Ġużepp aċċetta ir-rieda t’Alla u refagħha fis-silenzju u b’kuraġġ. Hu li wkoll kien żagħżugħ, jagħti liż-żgħażagħ il-ħila li joħolmu, jirriskjaw u jidħlu għax-xogħol diffiċli li joħolmu bih.
Waqt quddiesa f’Santa Martha il-Papa Franġisku qal li San Ġużepp, patrun tal-Knisja Universali u l-missier ta’ Ġesu’ fuq din id-dinja, bħal ħafna żgħażagħ tal-lum kien  joħlom u kien kapaċi jaċċetta li jwettaq il-biċċa xogħol li fdalu Alla u b’hekk għen biex dak kollu li Alla ried, jitwettaq.
Il-Papa kompla li “San Ġużepp jagħti eżempju li tant hu meħtieġ fid-dinja tal-lum fejn hawn sens qawwi ta’ orfaniżmu.  Meta żżewweġ lil Marija, Ġużeppi assikura li Ġesu’ jitwieled fid-Dar ta’ David u pprovdielu missier fuq din l-art u familja stabbli u soda”.
Fil-Bibbja lil San Ġużepp insibuh bħala “bniedem li jitkellem ftit imma li jobdi, bniedem twajjeb, raġel li kapaċi jżomm kelmtu biex il-wegħdi tiegħu realta u fis-sod”, kompla l-Papa.
L-insara, speċjalment iż-żgħażagħ għandhom jimxu fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp li ma kienx jibża’ jisma mill-ħolm tiegħu bħala meta fil-ħolma intqal lilu biex jieħu lil Marija bħala martu u anke meta intqal lilu biex jaħrab b’Marija u Ġesu’ lejn l-Eġittu.
“Meta noħolmu affarijiet kbar u sbieħ, inkunu qed nersqu lejn il-ħolma ta’ Alla u dak li hu joħlom għalina”, qal il-Papa Franġisku.
F’din l-okkażżjoni l-Papa tkellem ukoll dwar il-beatifikazzjoni tal-venerabbli Josef Mayr-Nusser, missier lajk Taljan li ngħata l-mewt għax irrifjuta li jieħu ġurament ta’ alleanza għal Hitler. Dan ir-raġel miet bil-kundizzjoni ta’ disenterija waqt li kien qed jittieħed lejn il-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau, fl-24 ta’ Frar 1945.  Hu se jku beatifikat fit-18 ta’ Marzu li ġej.