San Ġużepp lura fost ir-Rabtin

L-istatwa ta' San Ġużepp restawrata.

Fl-okkażjoni tal-150 anniversarju minn meta San Ġużepp kien ipproklamat Patrun tal-Knisja Universali, l-istatwa ta’ San Ġużepp tar-Rabat ġiet irrestawrata.

Ir-Restawr fuq il-vara sar mis-Sur Horace Farrugia fl-Imdina, li fl-imgħoddi nannuh Ġużeppi Farrugia kien induraha flimkien mad-dekoratur Mikiel Fsadni.

L-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp matul din is-sena ħadet ħsieb li jkunu restawrati ukoll in-niċċa ta’ San Ġużepp minn Agata Grima, filwaqt li James Saliba kien responsabbli mir-restawr tal-Bankun u l-Bradella. Tarcisio Cassar Gold-Silver Manufacturer and Restoration ir-restawraw il-pedestall tal-fidda li kien maħdum fl-istess fabbrika fis-sena 1983.

Restawr

Il-vara ta’ San Ġużepp kienet disinjata mill-wisq magħruf artist Taljan Luigi Fontana u nħadmet mill-Fabrika Franċiża Gallard et Fils ta’ Marsilja, għad-dar ta’ Mons. Paolo Pullicino. Meta Mons. Pullicino kien wasal fl-aħħar ta’ ħajtu propju fl-4 ta’ Marzu 1890, permezz ta’ ittra rregala din l-vara lil Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina li tagħha kien fratell u Protettur.

Nhar it-13 ta’ Marzu 1890 Mons. Pullicino ħalla din id-dinja u nhar l-14 ta’ Marzu 1890 din l-istatwa daħlet għall-ewwel darba fil-Knisja Santa Marija, ftit ħin qabel tbierket fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina.

Issa, wara r-restawr l-istatwa hi esposta fil-Knisja tal-Karmnu fl-Imdina mit-23 ta’ Frar 2020 sal-1 ta’ Marzu fejn matul il-ġimgħa qed jitellgħu bosta ċelebrazzjonijiet fil-knisja. Il-qofol jintlaħaqq is-Sibt 29 ta’ Frar 2020 fis-7:30pm tibda Velja ta’ Talb.

Fl-1 ta’ Marzu fid-9.00 a.m. se ssir quddiesa, mmexxija mill-Provinċjal tal-istess Patrijiet Karmelitani, Patri Joseph Saliba, u wara, l-istatwa toħroġ f’purċissjoni mill-knisja tal-Karmelitani għall-knisja ta’ Santa Maria ta’ Ġesu fir-Rabat. Jieħdu sehem il-Fratelli tal-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp tar-Rabat, kif ukoll tal-Belt Valletta li jinsabu imwaqqfa fil-Knisja Santwarju Madonna tal-Karmnu, il-patrijiet Franġiskani u Karmelitani. Matul il-purċissjoni jsir talb hekk kif l-istatwa tasal għall-ewwel darba quddiem il-Knisja Arċipretali u Kolleġjata ta’ San Pawl tar-Rabat. L-istess issir quddiem il-Knisja tal-Patrijiet Agostinjani u s-Santwarju tal-Madonna tas-Saħħa mill-Patrijiet Konventwali. Il-Festa ad unur San Ġużepp tkompli sad-19 ta’ Marzu 2020.