“San Ġużepp għandu jkun mudell għall-missirijiet u l-edukaturi” – Il-Papa Franġisku

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp, il-Papa Franġisku qal li l-missier putattiv ta’ Ġesù, għandu jkun il-mudell għall-missirijiet u l-edukaturi kollha.
Meta kien qed jindirizza l-udjenza fi Pjazza San Pietru, il-Kap tal-Knisja Kattolika rrefera għall-ħajja u l-missjoni ta’ San Ġużepp bħala l-Kap tal-Familja Mqaddsa kif ukoll bħala għalliem u edukatur ta’ Ġesù.
Il-Papa Franġisku awgura lill-missirijiet kollha fid-dinja u rringrazzjahom ta’ dak kollu li jagħmlu m’uliedhom.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika appella sabiex il-missirijiet ikunu viċin ta’ uliedhom għax dawn għandhom bżonnhom, bħalma San Ġużepp kien viċin Ġesù meta kiber fiżikament, psikoloġikament u spiritwalment.
Il-Papa Franġisku kompla jgħid li San Ġużepp huwa l-gwida għal kull ġenitur, qassis u għalliem li għandu f’idejh l-edukazzjoni tat-tfal.