San Ġorġ Preca għal Lourdes nhar is-Sibt

Read in English.

L-inkwadru ta’ San Ġorġ Preca minn għada se jibda l-vjaġġ minn Malta għal Lourdes fejn nhar is-Sibt se jitpoġġa fil-kappella tal-Modonna ta’ Lourdes.

Bejn il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju u t-Tnejn 2 ta’ Lulju l-Britannia Tours se jorganizzaw ġita għal Lourdes li matulha se jinkixef inkwadru tal-Qaddis Malti San Ġorġ Preca maħdum mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia.  Dan l-inkwadru se jitqiegħed fil-Kappella tal-Madonna f’Lourdes – post tant meqjum mill-Maltin u l-Għawdxin u li kull sena jiġbed lejh eluf ta’ pellegrini mhux biss minn pajjiżna iżda minn madwar id-dinja kollha.

Britannia Tours ilhom għal dawn l-aħħar 30 sena jorganizzaw ġiti lejn Lourdes flimkien mal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta u kienet  waħda mill-ewwel tlett Kumpaniji li operaw mal-ewwel titjira li saret għal Lourdes.

Din l-aħbar kienet tħabbret f’Marzu li għadda fejn intqal li din iċ-ċerimonja se tkun parti mis-sehem ta’ Malta fiċ-ċelebrazzjonijiet fl-għeluq il-160 anniversarju mid-dehriet tal-Madonna lil Santa Bernardette Soubirous.

L-attivitajiet speċjali jibdew is-Sibt  30 ta’ Ġunju fid-9.30 ta’ filgħodu meta jingħata bidu għal purċissjoni li se titmexxa mill-Isqof Awżiljarju r-Reverendu Monsinjur Dr Joe Galea Curmi.  Membri tas-Soċjetà tal-MUSEUM se jkunu qed iġorru l-inkwadru, filwaqt li Mons Galea Curmi se jġorr ir-relikwija ta’  San Ġorġ.  Dan l-inkwadru se jiddendel fil-kappella tal-Madonna ta’ Lourdes filwaqt li r-relikwa se titpoġġa fuq l-altar f’din l-istess kappella.  Fl-10.00 tiġi ċċelebrata quddiesa bil-Malti.

Il-Ħadd l-1 ta’Lulju fid-9.30am issir Quddiesa Internazzjonali fil-Bażilika Papa Piju X u li matulha ukoll se jikkonċelebra l-Isqof Awżiljarju Mons Joe Galea Curmi. Il-Ħadd filgħaxija l-membri tas-Soċjeta’ tal-Museum se jorganizzaw lejla ta’ talb fil-Grotta.

Nhar it-Tnejn fl-9.45 ta’ filgħodu tibda quddiesa kkonċelebrata fil-Grotta.   Wara nofsinhar fis-2.30pm il-inkwadru ta San Ġorġ Preca jitpoġġa fil-grotta maġenb l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes, fejn imbagħad issir ir-reċita tar-rużarju imqaddes bil-lingwa Ingliża. Din l-attivita’ tixxandar dirett fuq l-internet minn Lourdes TV.