San Ġiljan promossi

San Ġiljan Saints huma uffiċjalment promossi għall-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li rebħu s-seba’ logħba konsekuttiva tagħhom u baqgħu jżommu r-rekord perfett matul dan l-istaġun.
It-tim illi jinsab fl-ewwel staġun uffiċjali tiegħu f’din l-assoċjazzjoni, wera konsistenza kbira fil-logħob tiegħu u ma kinitx sorpriża illi kiseb din il-promozzjoni.
Dan it-tim hu ffurmat l-aktar minn plejers barranin illi jaħdmu hawn Malta u fih tara l-entużjażmu u l-għaqda illi kienet fundamentali sabiex wasal dan is-suċċess.
Minkejja kollox ilbieraħ sabu l-oppożizzjoni denja ta’ Tal-Qroqq Versity u minkejja illi rebħu bl-iskor ta’ 3-2 sabu lill-avversarji tagħhom ferm attenti u reattivi.
B’hekk kellna logħba ferm sabiħa u movimentata li rriżultat f’waħda pjaċevoli għal dawk preżenti fil-grawnd ta’ Santa Luċija.
Kienu l-Ġiljaniżi illi fetħu l-iskor wara 21 minuta logħob minn frikik ferm sabiħ minn 27 metru bogħod ta’ Ross Parkhill illi għeleb lill-keeper tal-Versity.
Erba’ minuti wara s-Saints irduppjaw l-iskor meta wara azzjoni ta’ korner kien Lewis Constable illi bir-ras indirizza l-ballun ġewwa.
Il-Versity baqgħu kalmi u żewġ minuti wara naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Adam Eshum illi mill-viċin xeħet il-ballun fix-xibka.
Bl-iskor jagħlaq 2-1 sa tmiem l-ewwel taqsima, it-tieni 35 minuta komplew joffru emozzjonijiet kbar b’San Ġiljan Saints determinati illi jiksbu t-tliet punti minn din il-logħba. Fil-fatt fit-42 minuta huma għamluhom tlieta meta reġa’ kien Ross Parkhill illi rċieva kross tajjeb mix-xellug u b’daqqa ta’ ras tefa’ wara l-keeper tal-Versity.
Finalment fil-55 minuta, Gilmour Carabott reġa’ daħħal lit-tim tiegħu fil-logħba meta kkonkluda tajjeb wara li qabeż żewġ plejers.
Il-Ġiljaniżi baqgħu jikkontrollaw ir-riżultat sabiex waslu tliet punti ferm prezzjużi li aċċertawhom mill-promozzjoni tant mistħoqqa.
Sadanittant l-eqreb rivali tagħhom Qormi Hotspurs ftit tħabtu sabiex għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 2-0.
It-tim żagħżugħ tal-Hotspurs kien veloċi fil-logħob tagħhom bl-attakkanti tagħhom Yosef Bonnici u Jacob Falzon ikunu ta’ uġigħ ta’ ras kbira għad-difiża Mostija.
B’din ir-rebħa l-Hotspurs baqgħu jiġru wara San Ġiljan Saints fil-klassifika u l-konfront dirett illi għandna ħmistax oħra ser jiddetermina min jirbaħ dan il-kampjonat daqstant sabiħ.
Qormi marru fil-vantaġġ eżatt ma’ tmiem l-ewwel taqsima meta wara korner kien Yosef Bonnici illi bir-ras għeleb lill-keeper ta’ Mosta.
Fit-tieni taqsima, il-Qriema ikkontrollaw il-partita u fil-50 minuta għamluhom tnejn u ssiġġillaw ir-rebħa meta Jacob Falzon fajjar xutt minn barra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna tax-xibka.
F’logħba oħra li ntlagħbet minn dan il-kampjonat, Naxxar Victorians kisbu t-tieni rebħa staġjonali meta għelbu lil Mqabba Albions bl-iskor ta’ 3-1.
L-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata u hekk kif Naxxar fetħu l-iskor wara sitt minuti permezz ta’ Connor Jay Muchmore, l-Albions wettqu reazzjoni u minnufih ġab id-dro b’xutt tajjeb ta’ Jake Gower.
Tmien minuti qabel ma’ għalqet l-ewwel taqsima reġa’ kien Connor Jay Muchmore illi għaqqad doppjetta personali meta għeleb lil Schiavone bejn il-lasti ta’ Mqabba.
Fit-tieni taqsima, Mqabba bdew ifittxu l-gowl tad-dro iżda minflok wasal it-tielet wieħed għan-Naxxarin u din id-darba kien Kyle Anthony Agius illi wara azzjoni veloċi sab il-ballun ma’ saqajh u b’xutt tajjeb għamilhom 3-1 għat-tim tiegħu.
KLASSIFIKA: San Ġiljan Saints 21, Qormi Hotspurs 18, Tal-Qroqq Versity 9, Naxxar Victorians 8, Mqabba Albions, Mosta Vikings 2