San Ġiljan jirbħu l-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA

Wirja tajba ta’ San Ġiljan Saints kienet strumentali sabiex jirbħu l-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Malti Mhux Professjonali (MAFA) meta għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 3-0.
Kien suċċess meritat għat-tim mill-Balluta li ddomina mill-bidu sal-aħħar dan il-kampjonat.
Huma kisbu 26 punt minn 10 partiti fejn rebħu 8 partiti filwaqt li kellhom żewġ draws. Huma ma sofrew l-ebda telfa filwaqt illi kellhom sfida denja minn Qormi Hotspurs illi bħalhom ġew promossi għall-Ewwel Diviżjoni. Huma kienu wkoll l-iktar tim illi skorja gowls f’dan il-kampjonat, eżattament 31 gowl sabiex inkurunaw staġun mill-aqwa.
Dan kien l-ewwel staġun ta’ San Ġiljan Saints fil-MAFA fejn dan huwa tim magħmul minn plejers barranin illi jaħdmu f’pajjiżna.
Kienet ukoll ġurnata ta’ festa fil-grawnd ta’ Santa Luċija hekk kif numru sabiħ ta’ partitarji Ġiljaniżi marru jagħtu s-sapport lill-Benjamini tagħhom u ġew armati bil-banda u l-istorbju kollu meħtieġ għall-okkażjoni.
Kien hemm wirja kuntrastanti bejn żewġ timijiet li kellhom fortuni diversi f’dan l-istaġun hekk kif kien hemm 21 punt differenza bejniethom fil-klassifika.
Xejn inqas minn rebħa ma kienet tissodisfa lill-Ġiljaniżi sabiex jassiguraw ruħhom mit-titlu finali.
Min-naħa tagħhom Mosta Vikings kienu qed ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom hekk kif kienu jinsabu f’qiegħ il-klassifika b’żewġ punti biss.
Kif mistenni s-Saints ħarġu aggressivi sa mis-suffara inizjali tar-referee fejn bdew joħolqu azzjonijiet offensivi lejn il-lasti ta’ Andrew Agius.
Wara 25-il minuta fejn il-Ġiljaniżi naqsu li jippenetraw il-lasti Mostin, kien minuta wara li fetħu l-iskor permezz tal-aħjar plejer tal-partita Michael Hennessy illi xeħet il-ballun fix-xibka.
Il-Vikings ittantaw reazzjoni iżda minuta minn tmiem l-ewwel taqsima reġgħu kienu San Ġiljan illi għamluhom tnejn meta reġa’ kien għal darb’oħra Hennessy illi approfitta minn indeċiżjoni difensiva sabiex għaqqad doppjetta personali.
B’dawn iż-żewġ gowls huwa spiċċa wkoll l-aqwa skorer tas-Saints b’seba’ gowls.
Bl-ewwel taqsima li għalqet b’San Ġiljan 2-0 minn fuq.
Fit-tieni taqsima Mosta ttantaw reazzjoni sabiex inaqqsu l-marġni tal-iskor iżda sabu l-erbgħa ta’ wara ta’ San Ġiljan f’vena mill-aqwa u żammew lill-attakkanti ‘il bogħod mill-keeper Ryan Kerr.
Min-naħa tagħhom huma ħadu r-riedni tal-logħba f’idejhom u ma kinitx sorpriża li skorjaw it-tielet gowl permezz ta’ Bjornar Heggerness illi ssiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu kif ukoll tefa’ lill-partitarji Ġiljaniżi f’dellirju ta’ ferħ.
Mat-tisfira finali tar-referee Massimo Axisa setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Ġiljan li laħqu l-qofol tagħhom meta l-kap tat-tim Andrew Clark irċieva t-tazza mingħand il-president tal-MAFA Twanny Agius.
Riżultat finali: San Ġiljan Saints 3 Mosta Vikings 0
STATISTIKA:
KLASSIFIKA FINALI TAT-TIENI DIVIŻJONI:
San Ġiljan Saints 26, Qormi Hotspurs 25, Tal-Qroqq Versity 16, Naxxar Victorians 10, Mqabba Albions 5, Mosta Vikings 2.
KLASSIFIKA TAL-AQWA SKORERS:
9 gowls Jacob Falzon (Qormi H), 8 gowls Yosef Bonnici (Qormi H), Owen Gilford (Tal-Qroqq V),  7 gowls Michael Hennessy (San Ġiljan S), Jake Gower (Mqabba A), Connor Muchmore (Naxxar V)
GOWLS SKORJATI MATUL DAN L-ISTAĠUN: 115
Ritratt: Warren Sammut