Aġġornata (2): San Ġiljan: Jinqata’ id-dawl ħames darbiet

17:30

Fi Triq Spinola f'San Ġiljan qed isiru tiswijiet minn ħaddiema tal-Enemalta, wara li fl-aħħar tlett ijiem ir-residenti tal-lokalità esperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku kemm-il darba.

Aktar kmieni: 

Residenti rrabjati li kkuntattjaw lil Newsbook.com.mt qalu li bejn nhar it-Tlieta u l-bieraħ, f’partijiet minn San Ġiljan inqata’ id-dawl madwar ħames darbiet.

Huma qalu li d-dawl ġieli nqata’ għal aktar minn tliet siegħat.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Enemalta biex ikun magħruf għalfejn seħħ dan il-qtugħ fil-provvisa tal-elettriku. 

Kelliem għall-Korporazzjoni qal li huma ma kienux infurmati bil-qtugħ tad-dawl. Qal ukoll li ma nżamm ebda rekord jekk inqatax id-dawl matul dawn l-istess jiem. 

Minn informazzjoni li għandu dan is-sit, jirriżulta li bħalissa fir-Rabat hemm djar u negozji li jinsabu bla elettriku.  Ilbieraħ ukoll residenti Żabbarin qattgħu minn tal-inqas siegħa u nofs bla dawl.