San Ġiljan jibqgħu l-ewwel, rebħa drammatika għal Qormi

San Ġiljan baqgħu għaddejjin bil-wirjiet eċċezzjonali tagħhom fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-Malta Amateur Football Association (MAFA) meta rebħu lill-Imqabba Albions bl-iskor ta’ 6-0.
B’din ir-rebħa l-Ġiljaniżi baqgħu jżommu r-rekord f’din id-diviżjoni meta rebħu s-sitt logħbiet illi lagħbu.
Huma jinsabu fuq quddiem fit-tiġrija għall-promozzjoni u eventwalment għar-rebħ tat-titlu, bi tliet punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Qormi Hotspurs, illi wkoll rebħu konfront dirett għall-promozzjoni meta għelbu lil Tal-Qroqq Versity.
San Ġiljan urew is-supremazija tagħhom sa mill-bidu u wara erba’ minuti logħob marru fil-vantaġġ grazzi għal Jacud Salara.
L-Imqabba ttantaw reazzjoni iżda wara azzjoni oħra veloċi kienu s-Saints illi rdoppjaw l-iskor meta Daniel Radics għeleb lill-gowlkiper tal-Imqabba mill-viċin.
L-iskor sar 3-0 fil-25 minuta permezz ta’ Maurice O’Donoghue li b’xutt tajjeb tefa’ l-ballun fix-xibka.
Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima Matt Callaghan ikkonkluda mill-viċin sabiex għen lit-tim tiegħu jistabbilixxi vantaġġ ta’ 4-0 qabel il-mistrieħ.
Fit-tieni taqsima bil-logħba diġa’ mirbuħa u mitlufa, Mqabba sfaw b’għaxra min-nies wara li tkeċċilhom plejer u kien hawn li l-Ġiljaniżi għaqqdu s-sitt gowls, b’xutt tal-plejer Rumen Ionut Popescu.
Il-Qormi Hotspurs jgħelbu lil Tal-Qroqq Versity
Gowl skorjat fl-aħħar minuta tal-logħba ta’ rebħa drammatika lill-eqreb rivali tagħhom Qormi Hotspurs meta għelbu lil Tal-Qroqq Versity bl-iskor ta’ 2-1.
Din kienet ikkunsidrata bħala logħba kruċjali għaż-żewġ timijiet li kienu jinsabu ferm qrib xulxin fil-klassifika.
Kien hemm diżappunt kbir mill-Versity li wara logħba ferm akkanita kellhom joħorġu minn dan il-konfront b’idejhom vojta.
Kienu Qormi li marru fil-vantaġġ fil-31 minuta permezz tal-iskorer prolifiku tagħhom Jacob Falzon li xeħet wara l-keeper tal-Versity.
Bl-ewwel taqsima tagħlaq bil-Hotspurs 1-0 minn fuq, stennejna r-reazzjoni tal-Versity u din waslet minnufih hekk kif wara diversi attakki, huma ġabu l-iskor indaqs fit-58 minuta grazzi għal Adam Eshum.
U hekk kif il-logħba kienet ser tispiċċa fi dro, pront wasal il-gowl drammatiku mas-70 minuta meta Daniel Camilleri fajjar xutt li bih ħasad lill-keeper tal-Versity għal skor finali ta’ 2-1.
Naxxar Victorians jirbħu kontra l-Mosta Vikings
Min-naħa l-oħra kellna derby ferm interessanti tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta meta Naxxar Victorians kisbu l-ewwel tliet punti tagħhom matul dan l-istaġun meta rebħu lill-eqreb tim Mosta Vikings 2-1.
Kienet logħba ferm sabiħa, tipika ta’ derby biż-żewġ timijiet illi kienu jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika jagħtu l-aħjar tagħhom, għalkemm fl-aħħar kienu n-Naxxarin li daħku l-aħħar daħka.
Naxxar ħasdu lill-avversarji tagħhom u wara ħames minuti marru fil-vantaġġ permezz ta’ Conor Muchmore illi tefa’ wara l-keeper ta’ Mosta.
Dawn tal-aħħar dehru mifxula u fis-26 minuta dabbru t-tieni wieħed meta kien l-istess Conor Muchmore li daħal tajjeb sabiex xeħet il-ballun fix-xibka għal 2-0.
Fit-tieni taqsima, it-tim immexxi minn Etienne Grech Sillato ħarġu ferm aggressivi u naqsu l-marġni tal-iskor fil-55 minuta permezz ta’ gowl sabiħ ta’ Chris Farrugia sabiex għamel l-aħħar kwarta ferm intensa u drammatika.
Minkejja l-attakki tal-Vikings, id-difiża tal-Victorians żammet sod sabiex b’hekk inqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika.
KLASSIFIKA – It-Tieni Diviżjoni:
San Ġiljan S 18, Qormi Hotspurs 15, Tal-Qroqq V 9, Naxxar Victorians 5, Mosta Vikings, Mqabba Albions 2
Ritratt: Warren Sammut