“San Ġiljan eżempju ta’ raħal sfruttat għall-benefiċċju tal-ftit” – Il-Vigarju Ġenerali

Il-Vigarju Ġenerali, Monsinjur Joe Galea Curmi wissa dwar ir-relazzjoni tal-bniedem man-natura, li fi kliemu m’għadhiex waħda ta’ fraternità u sbuħija, iżda saret attitudni ta’ “sid, konsumatur u esplojtatur” li m’għadux kapaċi jikkontrolla l-bżonnijiet immedjati tiegħu.

Semma lil San Ġiljan bħala eżempju ta’ lokalità f’Malta li spiċċat kummerċjalizzata u sfruttata għall-benefiċċju tal-ftit.
Mons. Galea Curmi qal dan waqt laqgħa pubblika b’rappreżentanza ta’ reliġjonijiet differenti u tas-soċjetà ċivili, bħala parti mill-attivitajiet tax-Xahar tal-Ħolqien li jiġi fi tmiemu llum, festa ta’ San Franġisk t’Assisi. Il-laqgħa li saret fil-Millenium Chapel f’Paceville, kellha t-tema tal-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si.
Spjega li meta l-Papa għażel dawn il-kelmiet, meħuda “mill-Kantiku tal-Ħolqien” ta’ San Franġisk, ried ifakkar li l-ispiritwalità li tinsa lil Alla bħala l-Ħallieq, twassal lill-bniedem biex mingħalih jieħu post Alla u jaħseb li għandu d-dritt fuq il-ħolqien.
Kien hawn li l-Vigarju Ġenerali kompla jikkwota l-Enċiklika tal-Papa Franġisku, meta qal li mhux l-ambjent biss li huwa mhedded, imma anke l-patrimonju storiku, artistiku u kulturali.
Temm jisħaq li pajjiż ma jistax jaħdem għal ambjent aħjar jekk ma jaħdimx ukoll għall-ġustizzja u paċi, u soċjetà li tippromovi l-ħajja umana.

“L-ambjent huwa rigal u aħna l-ħarriesa tiegħu” – In-Nunzju
Min-naħa tiegħu, in-Nunzju Appostoliku Alessandro d’Errico, faħħar l-impenn ta’ Malta għal inizjattivi li ħadet fuq livell internazzjonali biex tissalvagwardja l-klima u l-baħar bħala patrimonju komuni tal-umanità.
Ħeġġeġ lil kulħadd biex iħares lejn il-kreatura mhux bħala pussess iżda bħala rigal li lkoll aħna ħarriesa tiegħu.
 

Ritratti: Facebook, Ian Noel Pace