Deċiżjoni dwar il-moll fil-Balluta tittieħed nhar it-Tlieta

Aġġornat 08:07 AM

L-applikazzjoni mistennija tiġi deċiża llum

Google

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar se tkun qed tieħu deċiżjoni definittiva dwar il-proġett ta’ moll fil-Bajja tal-Balluta nhar it-Tlieta, 11 ta’ Frar.

Fi stqarrija, Moviment Graffitti spjegat li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u 11-il għaqda mhux governattiva qed jilqgħu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Ippjnar li tikkunsidra tbiddel ir-rakkomandazzjoni tal-case ofccier rigward il-moll privat għal waħda ta’ rifjut minn waħda ta’ approvazzjoni.

Ġie spjegat li diversi residenti, il-Kunsill u l-NGOs ippreżentaw l-oġġezzjonijiet tagħhom għall-proposta tal-Fortina/Captain Morgan. Huma qalu li l-proġett imur kontra numru ta’ policies tal-ippjanar u se jkollu impatt negattiv fuq l-għawwiema u r-residenti. Huma qalu wkoll li l-applikazzjoni għal moll provat, li huwa parti minn network ħafna ikbar, qed tiġi ppreżentata biċċa biċċa u li dak li hemm fl-applikazzjoni ma jistax jitqies bħala mezz alternattiv ta’ trasport.

Moviment Graffitti qalet li l-Kummissjoni tal-Ippjanar aċċettat ħafna minn dawn l-oġġezzjonijiet u ordnat lill-case officer sabiex jelenka r-raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni.

San Ġiljan ASC takkuża lill-Kunsill u għaqdiet b’gideb dwar moll fil-Balluta

Il-klabb tal-waterpolo San Ġiljan ASC qed jakkuża lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u 11-il Organizzazzjoni mhux Governattiva li qed jigdbu dwar proġett ta’ moll fil-bajja tal-Balluta.

Fi stqarrija, il-klabb qal li jikkundanna l-kampanja ta’ misinformazzjoni li allegatament qed issir dwar applikazzjoni dwar moll ħdejn pitch tal-waterpolo. Il-klabb qal li dan il-proġett huwa mod kif idaħħal il-flus.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u 11-il Organizzazzjoni mhux Governattiva qed iħeġġu lill-Kummissjoni tal-Ippjanar sabiex tirrifjuta, mingħajr kundizzjonijiet, l-applikazzjoni għal moll privat fil-Bajja tal-Balluta, li se joffri servizz turistiku “hop-on hop-off” immexxi mis-sidien tal-Fortina. L-applikazzjoni se tiġi deċiża waqt seduta tal-Awtorità tal-Ippjanar illum. Ir-residenti taż-żona diġà esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal dan il-proġett waqt attività pubblika f’Novembru li għadda.

Il-President tal-klabb Peter Bonavia qal li l-moll mhux se jinutża’ b’mod esklussiv għal kumpanija privata. Qal li se jintuża bħala punt fejn passiġġieri jistgħu jitilgħu jew jinżlu minn fuq dgħajsa. Qal li ż-żona mhux se ssir bħaż-żona tal-Ferries f’Tas-Sliema. Dan bil-kontra ta’ dak li qed jgħidu l-Kunsill u l-għaqdiet.

Bonavia qal ukoll li l-kumpanija kummerċjali se tuża dgħajjes ġodda fjamanti bl-ogħla standards ambjentali. Qal ukoll li l-moll huwa soluzzjoni temporanja sakemm jiżvilluppaw il-pixxina tagħhom. Qal ukoll li kollox sark if suppost.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan kiteb  lill-Awtorità tal-Artijiet sabiex joġġezzjona b’mod kategoriku għal kwalunkwe għoti tal-qiegħ tal-baħar mill-Awtorità tal-Artijiet. Qal li “jekk il-Kummissjoni tal-Ippjanar tilqa’ din l-applikazzjoni, il-Bajja tal-Balluta se tiġi ttrasformata f’moll għad-dgħajjes privati tal-Fortina. Din l-attività privata se tiddomina u tniġġes din il-bajja ċkejkna u importanti, kif ukoll toħloq periklu kostanti għall-għawwiema.”