San Francisco: Sfrattat attakk terroristiku għal jum il-Milied

Eks-suldat ta’ 25 sena kien arrestat mill-FBI fuq suspett li kien qed jippjana attakk terroristiku fi żmien il-Milied.
Everitt Aaron Jameson, eks-suldat tal-forzi speċjali Amerikani, kien arrestat mill-FBI wara li allegatament inqabad jiddiskuti pjan terroristiku ma’ aġenti pajżana tal-FBI.
Dokumenti kriminali jindikaw li Jameson kellu fil-mira tiegħu moll popolari ġewwa San Francisco li jkun frekwentat ħafna mit-turisti.
L-Awtoritajiet Amerikani kkonfermaw li waqt tfittxija fir-residenza ta’ Jameson instabu diversi armi tan-nar, testment u ittra ffirmata minnu li fiha hu qal li kien responsabbli għall-attakk.
Huma kkonfermaw li mill-investigazzjoni jirriżulta li Jameson kien qed jippjana dan l-attakk b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-President Donald Trump li jirrikonoxxi lil Ġerusalemm bħala l-belt kapitali tal-Iżrael.
Fi stqarrija l-Awtoritajiet qalu li Jameson ġibed l-attenzjoni tal-FBI u beda jiġi investigat f’Settembru li għadda wara li beda jesprimi twemmin ġiħadist estrem fuq il-midja soċjali.