In-nuqqas ta’ dawl isarrfu fi ktieb mimli avventura

Samuel, it-tifel li jagħtik tagħlima ta’ xi jfisser il-kuraġġ minkejja kollox, nieda l-ewwel ktieb tiegħu, Samuel and the Magic Tooth.
It-tnedija saret fil-Palazz ta’ San Anton, u preżenti kien hemm il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, li rrimarkat li minn dat-tifel iġġib l-ispirazzjoni tagħha ta’ kif għandha nħares lejn il-ħajja u l-isfidi li din iġġib magħha.
Żiedet tgħid li l-ktieb Samuel and the Magic Tooth hu evidenza ta’ dan kollu, evidenza ta’ kemm Samuel ma ħalliex l-isfidi tiegħu jaħkmuh.
Meta indirizza lil dawk preżenti, Samuel Farrugia rringrazzja lil kull min kien involut fil-proċess tal-pubblikazzjoni tal-ktieb, b’mod speċjali lill-President ta’ Malta, fejn irringrazzjaha tal-fiduċja u l-kuraġġ. Huwa qal li mingħajr il-fiduċja u l-kuraġġ li wriet il-President lejh, “dan il-ktieb ma kienx jinkiteb u kien jibqa’ fil-fantażija ta’ moħħi.”
Spjega kif iddeċieda li jsemmi l-karattru tal-ktieb b’ismu stess u qal li meta għamel dan sab ruħu fil-ktieb u fid-dinja li kien qiegħed joħloq, u b’hekk beda jimmaġina b’mod ħaj din l-istess dinja u l-avventura tal-karattru tal-ktieb.
Tkellem ukoll Peppi Azzopardi, li stqarr li Samuel iħajru jara affarijiet li hu li jara ma jarax, u li Samuel li ma jarax jirnexxilu jara u japprezza.
Ħeġġeġ lil kulħadd biex jixtri u jaqra dan il-ktieb “mhux għax Samuel huwa Malti bħalna, mhux għax Samuel kellu kanċer f’għajnejh, mhux għax Samuel ma jarax, imma għax dan il-ktieb huwa interessanti, tieħu gost taqrah, u mimli avventura”, temm jgħid.
Il-ktieb Samuel and the Magic Tooth huwa ppubblikat minn Panda Books, u jinsab għall-bejgħ mill-Palazz ta’ San Anton u mill-uffiċini tal-Malta Community Chest Fund Foundation, fil-Palazz, il-Belt Valletta.
Ritratt: OPR