Samsung riesqa lejn profitt rekord

Samsung Electronics qalet li kienet qed tbassar profitt rekord din is-sena grazzi għal żieda qawwija fil-bejgħ ta’ memory chips u display panels. Dan għandu jwassal biex issir l-aktar kumpanija barra minn dawk tas-servizzi finanzjarji li tirrendi profitt.
Il-ġgant tal-Korea t’Isfel jidher li għadda lil Intel bħala l-akbar manifattur ta’ chips elettroniċi, grazzi għat-talba dejjem tikber ta’ tagħmir tal-mobiles u data servers, li huma żewġ oqsma li Samsung teċċella fihom. Il-profitt operattiv għat-tieni kwart tas-sena (April-Ġunju) hu stmat li se jeċċedi t-12-il biljun dollaru, żieda ta’ 72% fuq is-sena ta’ qabel, biex b’hekk issa għaddiet anke lil Apple, li qed tistma profitt ta’ 10.5 biljun dollaru għall-istess perjodu.
Biex wieħed japprezza l-enormità ta’ dan il-profitt, biżżejjed jintqal li jekk tiġbor flimkien il-profitt tal-akbar erba’ kumpaniji teknoloġiċi fl-Istati Uniti,  jiġifieri Facebook, Amazon, Netflix u Google, dawn bejniethom se jkunu għamlu profitt ta’ madwar 11.2 biljun dollaru.
Il-kumpanija ħabbret li se tkun qed tuża parti mill-profitt biex tinvesti f’impjant ġdid għal OLED Displays.
Dawn ir-riżultati jridu jittieħdu wkoll f’konsiderazzjoni wara d-“diżastru medjatiku” u finanzjarju li rriżulta mill-problemi ta’ sigurtà marbuta mal-Galaxy Note 7. Jidher li anke s-suq tal-bejgħ tal-mobiles reġa’ sejjer tajjeb ferm, hekk kif il-prezzijiet aktar aċċessibbli minn tal-kumpanija Apple qed ikomplu jagħtu lil Samsung parti akbar mis-suq. Il-kumpanija mistennija tniedi l-Galaxy Note 8 f’Awwissu.
Mal-pubblikazzjoni ta’ din l-aħbar, l-ishma ta’ Samsung żdiedu bi 30% fuq il-bidu tas-sena, u jinsabu qrib l-ogħla livell tagħhom.
Gass mir-Russja għaċ-Ċina fl-2019
Il-Power of Siberia hija pipeline tal-gass, twila 3,000 kilometru, li se tgħaqqad l-akbar esportatur u l-akbar konsumatur ta’ enerġija fid-dinja: ir-Russja u ċ-Ċina.
Hu mistenni li l-gass jibda għaddej minn l-2019, skont Gazprom, il-kumpanija Russa tal-Istat. Dan wara li ntlaħaq ftehim għall-provvista ta’ gass mir-Russi għal aktar minn triljun metru kubu fuq perjodu ta’ 30 sena.
Gazprom, li hija kkontrollata mill-Kremlin, qed tinvesti aktar minn €60 biljun f’dan il-proġett biex tibni l-infrastruttura meħtieġa, li se jagħtiha aċċess għas-suq enormi li tipprovdi ċ-Ċina. Min-naħa l-oħra, għaċ-Ċiniżi, dan jipprovdi provvista stabbli u relattivament irħisa ta’ enerġija għal perjodu ta’ żmien fit-tul.
Gazprom diġà tipprovdi madwar terz tal-gass użat fl-Ewropa, u għandha proġetti ta’ investiment f’pipelines ġodda fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar l-Iswed biex tiddefendi u tespandi s-suq tagħha.
Esperti ġeopolitiċi qed iqisu li dan il-ftehim mhuwiex wieħed purament kummerċjali iżda jixhed relazzjoni aktar mill-qrib u fit-tul bejn dawn iż-żewġ qawwiet. Fil-ġranet li għaddew, iċ-Ċina, aċċettat li ssellef 11-il biljun dollaru lil organizzazzjonijiet statali Russi li jinsabu taħt sanzjonijiet mill-Punent.
Daqshekk magni jaħdmu bil-fuel għal Volvo
Il-kumpanija Volvo Cars ħabbret li kull mudell mis-sena 2019 ‘il quddiem se jkollu magna taħdem bl-elettriku. B’hekk Volvo saret l-ewwel manifattur tradizzjonali li jelimina kompletament il-magni li jaħdmu esklussivament bil-ħruq ta’ xi tip ta’ fuel. Mill-2019, Volvo se tkun qed tipproduċi biss tliet tipi ta’ vetturi: dawk li jaħdmu bl-elettriku biss, hybrids, kif ukoll dawk li qed jissejħu mild hybrids li jkollhom magna żgħira taħdem bil-petrol u batterija kbira.
Il-mira ta’ Volvo hi li sal-2025 tkun biegħet mal-miljun vettura li taħdem bl-elettriku. Din il-kumpanija Svediża nxtrat minn Geely, ditta Ċiniża, fl-2010, u s-sidien il-ġodda xprunaw il-ġirja tagħha fit-“tellieqa” għall-użu tal-elettriku fil-karozzi.
Madwar 265,000 vettura li jaħdmu bl-elettriku biss inbiegħu fiċ-Ċina s-sena li għaddiet, iktar mid-doppju tal-Ewropa. Iżda dan huwa suq li huwa destinat li jikber, kif tixhed iż-żieda ta’ 40% madwar id-dinja fl-ewwel kwart ta’ din is-sena meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Jekk din ir-rata ma tiżdiedx, hu mistenni li sal-2030, tmienja minn kull għaxar karozzi mibjugħa jkunu b’xi tip ta’ plug-ins elettriċi.
Il-kumpanija ħabbret li se tkun qed tniedi ħames vetturi ġodda bejn l-2019 u l-2021.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.