Samsung jibagħtu notifikazzjoni bi żball lil eluf ta’ persuni

Il-kumpanija Samsung skużat ruħha wara li aċċidentalment bagħtet notifikazzjoni lil eluf ta’ persuni fuq il-mowbajls tul il-lejl.

Il-mowbajls affetwati rċivew notifikazzjoni mingħand Find My Mobile fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu. Uħud mill-konsumaturi lmentaw fuq il-midja soċjali li dan qajjimhom f’nofs ta’ lejl. Iżda oħrajn deher li bdew jinkwetaw li xi ħadd daħlilhom fuq il-mowbajl tagħhom mingħajr permess.

Fi stqarrija l-kumpanija skużat ruħha tal-messaġġ li ntbagħat mingħajr intenzjoni bi żball.

Il-messaġġ jidher li rċivewh dawk kollha li kellhom l-applikazzjoni Find My Mobile installata, inkluż ukoll dawk li għandhom Galaxy S, iż-Z-Flip jew is-Samsung tablet kompjuters.

Il-messaġġ ma kien jinkludi l-ebda test sinifikanti u ma ħalla l-ebda impatt negattiv.