Samsung bil-mudell ġdid Galaxy S4

Il-kumpanija Samsung qed tniedi l-mudell il-ġdid Galaxy S4 li waħda mill-innovazzjonijiet ġodda tiegħu hi li l-kapaċità li jagħraf iċ-ċaqliq tal-għajnejn ta’ min ikun qed jużah.

Il-Galaxy S4, li hu stmat li se jkun aċċessibbli biex jinxtara madwar id-dinja kollha sal-aħħar t’April, isegwi l-mudell S3 li jingħad li nbigħu minnu mal-40 miljun globalment. Il-prodotti Samsung jibqgħu jitqiesu bħala l-ikbar kompetituri ta’ dawk Apple.

Jingħad li dan il-mowbajl Galaxy S4 kapaċi jieħu żewġ ritratti fl-istess waqt u kapaċi wkoll jagħraf iċ-ċaqliq tal-għajnejn ta’ min ikun qed jużah, mingħajr il-ħtieġa li jmissu. Dawn l-innovazzjonijiet jissejħu Smart Scroll jew Smart Pause fil-każ ta’ kontroll fuq vidjow li wieħed ikun qed jara fuq il-mowbajl.

Fir-Renju Unit, Vodafone, Orange, T-Mobile u EE diġà ħabbru skemi li magħhom huwa abbinat dan l-ismart phone fuq in-network tagħhom.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.