Jinsistu għal maħfra jew tnaqqis fis-sentenza ta’ Yorgen; iben Daphne ma jaqbilx

Aġġornat 03:50 PM
REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Il-Kunsillier Nazzjonalist Mark Anthony Sammut kif ukoll in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili t-tnejn huma tal-fehma li jkun hemm tnaqqis fis-sentenza ta’ Yorgen Fenech jekk jikkollabora biex tinkixef ix-xibka ta’ korruzzjoni. Yorgen Fenech huwa l-allegat mandant fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Mhux tal-istess fehma Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li m’għandnix nitkellmu fuq maħfra jew tnaqqis fis-sentenza iżda li ssir ġustizzja ma’ kulħadd.

Mhux maħfra jew tnaqqis fis-sentenza, ġustizzja issir ma kulħadd – Matthew Caruana Galizia

Caruana Galizia stqarr li l-għand m’għandux ikun li l-politiċi jittieħdu l-ħabs iżda li ssir ġustizzja. Qal li tul il-kors tal-ġustizzja, il-politiċi għandhom imorru l-ħabs iżda qal li meta jsir dan ikun side-effect tal-ġustizzja u mhux l-għan aħħari.

Spjega li ħadd m’għandu jitkellem fuq maħfra f’pajjiż li fih teżisti l-proċedura li permezz tagħha titnaqqas is-sentenza għal fini ta’ informazzjoni. Qal iżda li dawn m’għandhomx japplikaw għal Yorgen Fenech li qatel lil ommu kiesaħ u biered.

Stqarr li l-Pulizija kellhom il-provi u ma għamlu xejn fuqha meta waslitilhom fuq platt tal-fidda mill-Aġenzija kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU).

No one should be talking about pardons when Malta has a plea-bargaining mechanism in place. But either way, not even…

Posted by Matthew Caruana Galizia on Monday, July 6, 2020

Sammut favur maħfra jew sentenza mnaqqsa għal Yorgen Fenech

Mark Anthony Sammut huwa favur li tingħata maħfra jew sentenza mnaqqsa biex tinkixef dik li sejjaħ bħala “xibka sħiħa tal-Mafja fil-politika”. Sammut, li kien President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, qal li “jidher li dak li sirna nafu s’issa dwar l-Electrogas huwa biss il-bidu”.

Huwa qal dan b’referenza għall-aħbar fuq il-gazzetta MaltaToday li Fenech qal lil Pulizija li kellu informazzjoni dwar il-kumpanija Macbridge. Spjega billi semma proġetti kbar bħalma huma l-bejgħ tal-Enemalta, il-bejgħ tal-BWSC u l-istudju dwar il-pont bejn Malta u Għawdex. Sammut qal li f’dawn il-proġett għaddew miljuni kbar ta’ flus bejn Malta u ċ-Ċina filwaqt li indika li l-kumpanija Macbridge tista’ tkun qed tirreferi għal “MaltaAndChinaBridge”. Macbridge, bħal 17 Black, kellha tgħaddi €5,000 kuljum lill-eks Ministru Konrad Mizzi u lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Peress li l-familja ta’ Caruana Galizia kienet kontra li Yorgen Fenech jingħata maħfra presidenzjali, Sammut qal li “minkejja l-weġgħa li min jidher li kien pedina importanti biex inqatlet omm ma jħallasx il-prezz sħiħ ta’ dak li għamel, nemmen li tkun saret ġustizzja ħafna ikbar ma’ Daphne Caruana Galizia jekk minflok ma tinqabad pedina waħda, tinqered il-brimba sħiħa ta’ kriminali fil-poter”.

Saħaq li jekk jiġri hekk il-proġetti kollha jerġgħu lura għand il-poplu wara li kien hemm min għamel il-miljuni.

Minħabba l-iskala tal-qtil, mhux maħfra imma tnaqqis – CSN

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili qal li minħabba l-iskala tal-qtil, kif ukoll il-pożizzjoni tiegħu fis-soċjetà u fin-negozju, Yorgen Fenech m’għandux jingħata maħfra, iżda almenu tnaqqis fis-sentenza bil-kundizzjoni li jipprovdi evidenza ta’ korruzzjoni u kriminalità fuq livell nazzjonali f’dawn l-aħħar snin, speċjalment fejn jidħlu politiċi. Jisħqu li mal-ewwel gibda li jinqabad jgħid, Fenech għandu jitlef dak iċ-ċans.

Huma nnutaw illi kien l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat li ħa d-deċiżjoni biex ma tiġix ikkunsidrata maħfra presidenzjali għal Fenech, l-istess Muscat li kellu jirriżenja wara sħabu ġew implikati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Jisħqu li l-kunflitt ta’ interess li kellu Muscat f’dik id-deċiżjoni uffiċjali għandu jfisser li din mhix kwistjoni magħluqa, u jidher biċ-ċar li Muscat għamlu minn kollox biex jgħattu għemilhom billi neħħew il-possibilità li jitkellem Fenech taħt ġurament fuq dak kollu li jaf.