Salvini se jaffaċċja proċeduri legali dwar bastiment bl-immigranti

REUTERS/Ciro de Luca

Is-senaturi Taljani vvutaw illum biex titneħħa l-immunità għall-mexxej lemini estrem Matteo Salvini, li jfisser li issa se jkollu jaffaċċja proċess quddiem Qorti Kriminali dwar akkużi li illegalment ħalla lill-immigranti l-baħar is-sena li għaddiet.

Ir-riżultat għandu jitħabbar uffiċjalment għall-ħabta tas-6pm, iżda Reuters irrapporta li hu infurmat li l-maġġoranza vvutat li Salvini ma jibqax jibbenefika mill-immunità.

Għaldaqstant, maġistrati fi Sqallija għandhom ikunu jistgħu jressquh il-qorti dwar id-deċiżjoni tiegħu biex iżomm lil iżjed minn 100 immigrant abbord bastiment ta’ salvataġġ għal sitt ijiem f’Awwissu li għadda, hu u jistenna lil stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea biex idaħħluhom huma. Dak iż-żmien huwa kien Ministru għall-Intern.

Jekk jinstab ħati, Salvini jista’ jaffaċċja 15-il sena ħabs. Dan jista’ jfisser it-tmiem tal-karriera politika tiegħu.

Min-naħa tiegħu, huwa qal li lest jaffaċċja proċeduri legali. Qal li b’differenza minn ħaddieħor, huwa ma jaħrabx, u se jistenna b’mod kalm id-deċiżjoni tal-qrati, u mbagħad tat-Taljani meta dawn jivvutaw.