Il-Gvern Taljan f’xifer ta’ kollass; Salvini jsejjaħ għal elezzjoni ġenerali

Id-Deputat Prim Ministru tal-Italja Matteo Salvini, sejjaħ għal elezzjoni hekk kfi sostna li d-differenzi bejn il-partiti li qed jiffurmaw il-Gvern ta’ koalizzjoni Taljan ma jistgħux jissolvew.

Salvini qal li l-koalizzjoni ma tistax tibqa’ tiggverna wara li attentat mill-partit tal-Moviment tal-Ħames Stilel biex joġġezzjona u jwaqqaf il-pjanijiet għal ferrovija veloċi li tgħaqqad il-Belt ta’ Turin fl-Italja ma’ Lyon fi Franza fallew.

B’reazzjoni għal dan, il-mexxej tal-Moviment tal-Ħames Stilel Luigi Di Maio qal li l-partit tiegħu mhux ħa jibża’ minn elezzjoni oħra u jinsab preparat.

Il-partit ta’ Savini jinsab fuq quddiem fl-opinjoni pubblika wara li aktar kmieni din il-ġimgħa ħa pożizzjoni iebsa kontra l-immigrazzjoni u għaddiet liġi li żiedet sostanzjalment il-multi kontra organizzazzjonijiet li jieħdu l-immigranti l-Italja.

X’se jiġri issa?

Is-sejħa ta’ Salvini għal elezzjoni ġenerali mhux neċessarjament se sseħħ, hekk kif il-President Sergio Mattarella jista’ jsejjaħ Gvern teknokratiku u jipposponi elezzjoni ġenerali għas-sena d-dieħla.

Salvini, li hu d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Intern, qed jinsisti li l-Parlament iħabbar uffiċċjalment li l-Gvern m’għadx għandu maġġoranza u jsejjaħ elezzjoni biex il-poplu Taljan jivvota.

Di Maio, li huwa Deputat Prim Ministru wkoll, oppona l-istqarrija ta’ Salvini billi sostna li l-ħsieb ta’ elezzjoni ġenerali ma jinkwetax lill-partit tiegħu. Għalkemm il-partit ta’ Salvini huwa l-partit iż-żgħir fil-koalizzjoni preżenti fil-koalizzjoni tal-Gvern Taljan, fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej f’Mejju rebħu l-maġġoranza tal-voti, b’iktar minn terz tal-voti.