Salvini jinsisti li Sea Watch għandu jniżżel l-immigranti fil-Libja

Id-deputat Prim Ministru u Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini sostna li l-persuni salvati mill-għaqda mhux governattiva li taħdem fil-qasam tat-tfittxija u salvataġġ Sea Watch għandhom jitniżżlu l-Libja. Iktar kmieni din il-ġimgħa l-bastiment Sea Watch 3 salva 52 persuna minn fuq dinghy il barra mill-kosta Libjana.

AQRA: Sea Watch issalva 52 immigrant ‘il barra mil-Libja

Salvini qal li l-bastiment bħalissa jinsab 38 mil ‘il barra mil-Libja, 125 mil ‘il barra minn Lampedusa, 78 mil ‘il barra mit-Tuneżija u 170 mil ‘il barra minn Malta.

Huwa kompla jgħid li l-awtoritajiet Libjani diġà allokaw il-port ta’ Tripli bħala l-eqreb port għall-iżbark tal-immigranti. Salvini wissa’ li jekk il-bastiment ma jobdix l-istruzzjonijiet li ngħata, huma se jkunu responsabbli għal dak li jiġri.

L-għaqda Sea Watch ħafna drabi pruvaw jisfidaw il-politika ta’ Salvini kontra l-għeluq tal-portijiet għall-bastimenti tal-għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tat-tfittxija u salvataġġ. Il-Gvern Taljan sadanittant għadda digriet ġdid li se jkun qed jimmulta bastimenti tal-għaqdiet li jġibu persuni salvati mill-għarqa bla permess lejn l-Italja sa massimu ta’ €50,000. Il-liġi internazzjonali dwar il-baħar tgħid li bastiment huwa obbligat li jsalva persuni mill-baħar meta dawn jagħmlu talba għall-għajnuna.

Il-Ħamis Sea Watch ħabbret li se tkun qed tfittex lil Salvini għal malafama.