Aġġornata: Filmat: Id-90 persuna jidħlu Malta

Read in English.

Id-disgħin persuna li ġew salvati mill-awtoritajiet Taljani fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ Maltija daħlu Malta.

Dan ġie kkonfermat mill-kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta ma’ Newsbook.com.mt. Huma ġew trasferiti għall-patrol boat imbgħad iddaħħlu f’Xatt it-Tiben.

Salvati fiż-żona ta’ Malta; jitħallew bejn sema u ilma

Bastiment tal-Gwardja tal-Kosta Taljan kellu 90 persuna abbord u kien ġej dirett lejn l-ibħra territorjali ta’ Malta. Dan wara li Malta baqgħet ma qalitx lill-awtoritajiet Taljani fejn se jiltaqgħu biex isir it-trasferimenti tal-immigranti abbord li ġew salvati fiż-żona ta’ Malta. Il-Forzi Armati ta’ Malta qed jisħqu t-Taljani ħarġu jsalvaw l-immigranti minn jeddhom u li issa jridu jidħlu f’Malta iżda ma għandhom l-ebda permess biex jagħmlu dan.

Fi stqarrija l-Gwardja Tal-Kosta Taljana qalet li hi salvat 90 persuna mill-għarqa f’żona li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Maltin. Dan wara talba li saret minn Malta.

Kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li s-salvataġġ sar fiż-żona li minnha hi responsabbli Malta. Żiedet tgħid l-awtoritajiet Taljani “qabdu u salvahom” minkejja li l-AFM kienet sejra għalihom.

Dan jikkuntrasta ma’ dak li qed jgħidu t-Taljani fl-istqarrija tagħhom. It-Taljani spjegaw li Malta uffiċjalment ddikkjarat li hi responsabbli mid-dgħajsa bl-immigranti abbord u talbet lill-awtoritajiet Taljani biex jassistu.

Il-Kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta saħqet li t-Taljani ma għandhom l-ebda permess biex jidħlu f’Malta. Qalet li t-Taljani jridu jġibuhom Malta għax ma jridux joħduhom Lampedusa. Hi spjegat li minkejja li saret fiż-żona ta’ Malta, Lampedusa hi l-eqreb port, għaldaqstant għandhom jittieħdu lejn Lampedusa.

Il-Kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta spjegat li ċ-Ċentru tal-Koordinazzjoni ta’ Malta bgħat messaġġ liċ-ċentri ta’ salvataġġ oħra dwar l-operazzjoni. Spjegat li imbgħad l-iktar bastiment viċin jieħu ħsieb l-operazzjoni tas-salvataġġ. Sostniet li “aħna offrejna li ndaħħluhom aħna, iżda għabbewhom it-Taljani.” Hi żiedet tgħid ukoll li l-awtoritajiet Taljani qalu li ma kienx hemm bżonn l-assistenza tagħhom minkejja li l-bastimenti Maltin kienu viċin.

Minn naħa tagħhom it-Taljani qed jgħidu li ċ-Ċentru ta’ Koordinament u Salvataġġ Malti ddikkjara uffiċjalment li huwa responsabbli mid-dgħajsa bl-immigranti abbord u talab lill-awtoritajiet Taljani biex jassistu minħabba li kienu fiż-żona.

L-immigranti ġew trasferitti fuq il-bastiment Taljan minħabba li kienu f’kundizzjoni prekarja.

Wara li ġew trasferitti l-immigranti, l-Italja talbet lil Malta tagħti l-post eżatt fejn il-bastimenti taż-żewġ awtoritajiet kellhom jiltaqgħu biex l-immigranti jiġu trasferitti lejn Malta.

Malta bħala ċ-Ċentru tal-Koordinazzjoni ta’ din l-operazzjoni baqgħet ma tatx risposta lill-awtoritajiet Taljani, skont l-istqarrija tat-Taljani.

Sorsi viċin il-Forzi Armati ta’ Malta sostnew ma’ Newsbook.com.mt li hemm ordnijiet minn fuq biex ma jitħallewx jidħlu f’Malta.