“Salva l-ħajjiet tal-immigranti” – 300 professjonist tas-saħħa

Aġġornat 04:57 PM

Aktar minn 300 professjonist tas-saħħa u studenti tas-saħħa ikluż 180 tabib ffirmaw ittra lill-Prim Ministru li titlob sabiex jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni li ħa l-Gvern Malti dwar l-għajnuna lill-immigranti f’periklu li jgħerqu. Filwaqt li qalu li jifhmu li s-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż tal-coronavirus hija waħda serja, li wieħed iħalli persuni jmutu f’isem is-saħħa pubblika hija deċiżjoni kontradittorja.

L-ittra intbagħtet uffiċjalment lill-Prim Ministru mnn The Daphne Caruana Galizia Foundation.

Fi stqarrija ġie spjegat li f’kumment li għamel il-Professur Albert Fenech mal-firma tiegħu fl-ittra qal: “Il-ħajja għandha tiġi qabel il-politika….fejn tidħol is-saħħa, aħna kapaċi nagħmlu t-testijiet u niżolawhom.” Fl-ittra, il-firmatarji jgħidu li bħalma huma ma jistgħux jabbandunaw ir-responsabbiltajiet etiċi u morali, qed jitolbu lill-istat biex ma jabbandunax l-obbligazzjoni pożittiva li jsalva l-ħajjiet.

Intant, huma qalu li jifhmu li x-xogħol ta’ salvataġġ u żbark ta’ dawn l-immigranti fih ir-riskju tiegħu u b’hekk talbu sabiex jittieħdu passi biex jiġu mitigate dawn ir-riskji. Qalu li dan għandu jsir minflok li wieħed jipperikola l-ħajja ta’ persuni maqbudin bejn sema u ilma.

“Jekk nippermettu li l-gvern iħallas għas-saħħa pubblika bil-ħajjiet tal-bnedmin, se nkunu fallejna mill-obbligi taħna bħala ċittadini, professjonisti tas-saħħa u nazzjon,” qalu l-professjonisti tas-saħħa.

Aktar akkademiċi jappellaw lill-Istati Membri Ewropej biex jiftħu l-portijiet

Intant, aktar akkademiċi ffirmaw talba lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha, inkluż Malta, sabiex jiftħu l-portijiet b’mod immedjat sabiex l-immigranti li jinsabu f’periklu li jgħerqu jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn. Issa, total ta’ 472 firmatarju qed jitolbu sabiex ir-responsabbiltà ta’ salvataġġ tal-immigranti titqassam b’mod ugwali bejn l-Istati Membri kollha. Insistew li hemm bżonn azzjoni immedjata biex jieqfu jintilfu l-ħajjiet.

Talba urġenti lill-Qorti Ewropeja għal ordni kawtelatorja

Min-naħa tagħha, l-NGO Repubblika għamlet talba urġenti lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bnedmin fi Strasburgu biex il-Qorti tagħti ordni kawtelatorja (interim measure) lill-awtoritajiet Maltin u Taljani sabiex ma jabbandunawx refuġjati fl-ibħra tagħhom.

Skont Repubblika, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ż-żewġ pajjiżi huma firmatarji tagħha, tobbligahom li jagħmlu dak li hu meħtieġ biex jipproteġu l-ħajja ta’ kulħadd, anke bnedmin li mhux ċittadini tagħhom.

L-NGOs ta’ tiftix u salvataġġ ikkonfermaw li 12-il persuna tilfu ħajjithom ilbieraħ wara li kien ilhom sitt ijiem fuq il-baħar. Ġurnali internazzjonali qalu kif ma’ dawn ir-refuġjati mejtin kien hemm grupp ta’ 47 oħrajn li rrakkuntaw dak li ġara. Skont Alarm Phone, it-12-il persuna mietu bil-għatx jew għax għerqu minħabba li Malta falliet milli ssalvahom.

Matul il-lejl, Alarm Phone qalet fuq Twitter kif dgħajsa li kien intilef il-kuntatt minn magħha u li kienet qed tfittex ġiet ritornata lejn il-Libja. Fuqha kien hemm total ta’ 55 passiġġier. Alarm Phone qalet li issa, dawk kollha li illegalment ġew ritornati lejn il-Libja se jispiċċaw ittorturati u stuprati.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Malti għadu qed jinsisti li l-portijiet Maltin se jibqgħu magħluqa. Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jinsisti mal-Unjoni Ewropea biex tibda missjoni umanitarja fil-Libja. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo ħabbar dan it-Tnejn li għadda fejn qal ukoll li l-pakkett finanzjarju għandu jkun ta’ €100 miljun u l-għajnuna għandha tingħata imminenti, illum qabel għada.