Il-Parlament Ewropew jgħid li Casa mexa sew

L-Uffiċċju tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani informa lill-kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Alex Saliba, li m’hemm l-ebda kunflitt ta’ interess mill-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-PE David Casa dwar l-assistenti lokali tiegħu.  Saliba kien qal li Casa kien qed jikser regoli tal-Parlament Ewropew u talab lil Tajani biex jinvestigah.

Id-Direttur Maniġerjali tal-MaltaToday, Saviour Balzan kien kiteb dwar l-impjegati ta’ Casa u qal li l-MEP kien qed jikser ir-regolamenti meta impjega lil zijuh u lil ħatnu. Casa min-naħa tiegħu dejjem sostna li l-impjegati tiegħu huma konformi mar-regoli tal-Parlament Ewropew.

Skont ir-regoli tal-UE dwar il-Membri tal-Parlament Ewropew, artiklu 43(d) jgħid li mhux se jkunu provduti flus li jiffinanzjaw kuntratti li jipprovdu biex sieħba, ir-raġel jew il-mara, jew it-tfal jew l-aħwa tal-Membru Parlamentari li jista’ jagħti lok għall-kunflitt ta’ interess. Artiklu 62(1a) jgħid ukoll li l-Membri involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit mhumiex f’pożizzjoni li jieħdu azzjoni li taf twassal għall-kunflitt ta’ interess. L-artiklu jkompli billi jgħid li kunflitt ta’ interess jeżisti meta l-azzjoni meħudha mill-MEP tkun influwenzata minn raġunijiet ta’ familja, ħajja emozzjonali, interess ekonomiku u kwalunkwe interess li jinqasam mar-riċpjent tal-flus.

AQRA l-ittra sħiħa hawn.