Sależjan li kien maħtuf fil-Jemen aktar minn sena ilu għadu ħaj

Fr Tom Uzhunnalil, patri Sależjan li kien inħataf fil-Jemen f’Marzu tas-sena li għaddiet għadu ħaj u kemm il-Gvern Indjan kif ukoll dak tal-Jemen qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jassiguraw il-ħelsien tiegħu.
Fr Tom issa ilu aktar minn sena f’idejn dawk li ħatfuh. Kultant fl-istampa lokali jidhru rapporti qosra dwar il-kundizzjoni ta’ saħħtu. L-aħħar minn dawn ir-rapporti deher fit-8 ta’ Mejju u fih is-saċerdot appella biex jinħeles u stqarr li saħħtu kienet sejra lura.
Fl-ewwel filmat li kien ħareġ fi żmien il-Milied dan is-Sależjan kien appella lill-Papa Franġisku biex jitlob għall-ħelsien tiegħu u kien imġiegħel jgħid minn min ħatfu, li “kien intesa mill-awtoritajiet ċivili  u ekkleżjastiċi u kellu bżonn il-kura.
Fr Tom li twieled fl-Indja kien inħataf minn grupp ta’ Ġihadisti fl-4 ta’ Marzu 2016 meta membri tal-grupp terroristiku daħal f’dar tal-anzjani u morda immexxija mis-Sorijiet ta’ Madre Tereza fil-Jemen. F’dak l-attakk kien inqatlu 4 sorijiet u 12-il persuna oħra u fl-attakk baqgħet ħajja biss is-superjura tal-kunvent, Sister Sally, li ma kinitx preżenti meta seħħ l-attakk.
Fi  żmien l-Għid li għadda kienet ħarġet xniegħa fejn intqal li t-terroristi kienu qed iħejju li jittorturaw, joqtlu u jsallbu lil Fr. Tom fil-Ġimgħa l-Kbira imma s-Sależjani u l-Vigarju Ġenerali Mons. Paul Hinder mill-ewwel kienu ċaħdu din ix-xniegħa.
F’laqgħa li saret ftit jiem ilu bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Indja u tal-Jemen, dan tal-aħħar enfasizza t-tħassib tal-Gvern tiegħu dwar saħħet Fr Tom u sostna li l-awtoritajiet ta’ pajjiżu se jkomplu jagħmlu minn kollox biex jassiguraw il-ħelsien tiegħu kemm jista’ jkun  malajr.