Sala f’Monte Karmeli li ma tbegħdekx mid-droga

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku, Godfrey Farrugia, qal li l-ambjent f’sala partikulari f’Monte Karmeli fejn jinżammu persuni biex joħorġu mill-vizzju tad-droga mhu qed jgħinhom xejn biex jegħlbu din l-isfida.
F’ittra miftuħa mibgħuta lill-Kummissarju tas-Saħħa Mentali, Farrugia jsostni li l-affarijiet li qed isiru f’Sala 8B jmorru kontra l-Att dwar is-Saħħa Mentali u ma jagħmilx ġieħ lill-kura tas-saħħa f’Malta, u għalhekk talbu jinvestiga l-każ.
Fost l-oħrajn il-MP irrimarka li f’dis-sala ħadd ma jrid jaħdem, tant li d-Dipartiment tas-Saħħa kellu jqabbad infermiera ta’ kuntrattur privat. Filwaqt li faħħar il-kuraġġ ta’ dawn l-infermiera, Farrugia qal li dawn mhumiex speċjalizzati biex jaħdmu ma’ persuni li qed jippruvaw jegħlbu d-droga.
Is-sala lanqas biss għandha konsulent psikjatriku, hemm nuqqas ta’ tagħmir mediku u ħadd ma jsegwi l-protokolli.
Farrugia jkompli jsemmi kif sippost dis-sala tintuża mill-irġiel biss, iżda ma jsirx hekk, apparti li m’hemmx kamra fejn tpejjep allura kulħadd ipejjep f’kulħadd.
Il-MP temm jgħid li dawn il-kundizzjonijiet, fost oħrajn, ma jagħmlux ġid lil dawn il-pazjenti, u għalhekk talab li ssir investigazzjoni.
Ritratt: Arkivji