Sal-Quċċata

Frida Cauchi bħala Mariella u Hermann Bonaci bħala Norbert

Illum is-Sibt u għada l-Ħadd fis-1.05pm fuq l-istazzjon Net se jkunu qed jixxandru l-ewwel żewġ puntati tas-sensiela Sal-Quċċata li għandha kitba u direzzjoni artistika ta’ John Suda, u direzzjoni viżiva ta’ Hermann Bonaci, li huwa wkoll il-produttur tas-sensiela.

Fl-ewwel episodju li se jixxandar illum is-Sibt, Norbert, producer u propjetarju ta’ stazzjoni televiżiv ikun qal lil Mariella, il-mara li tgħix miegħu, li kien sejjer Londra. Hi ċċempel fil-lukanda fejn kien joqgħod is-soltu u ma ssibux hemm. Fil-fatt kien qiegħed f’lukanda Maltija ma’ Janice, tfajla ħabiba ta’ Mariella li kienet qegħda tipprova tagħmel minn kollox biex tagħmel suċċess fil-karriera tagħha. Xi jkun id-destin ta’ Norbert? Matul dan it-thriller naraw dak li qiegħed jiġri fil-preżent imħallat ma’ ġrajjiet passati li jwasslu għall-ġrajja ta’ llum.

Fit-tieni episodju li se jixxandar għada l-Ħadd jitkomplew l-investigazzjonijiet wara l-qtil ta’ Norbert. L-impjegati tal-lukanda fejn sar id-delitt jammettu mal-pulizija dwar mara li daħlet fil-lukanda fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu.

Naraw waqtiet mill-ħajja ta’ Janice snin qabel fejn kull meta ppruvat tagħmel xi ħaġa, dejjem sabet lill-ġenituri tagħha kontriha. Saħansitra meta kienet tagħmel xi eżami; jekk tgħaddi kienu jmaqdruha li ma ġabitx marki bizzejjed, u jekk ma tgħaddix, isawtuha.

Jieħdu sehem: Romina Darmanin, Hermann Bonaci, Frida Cauchi, John Suda, Fabian Scerri de Carlo, Vivienne Caruana, Antonella Caruana, Anna Cachia, Lilian Pace, Evelyn Saliba la Rosa, Kevin Spiteri, Kamilla Mysiak, Dorothy Vassallo, Etienne St. John, Alessio Farrugia u Jean Pierre Busuttil.

It-tielet u r-raba’ episodju jixxandru s-Sibt u l-Ħadd ta’ wara.