Sal-lum Puigdemont irid jiddeċiedi

Illum jiskadi ż-żmien li l-Gvern Spanjol ta lill-mexxej Katalan, Carles Puigdemont, sabiex jiċċara eżatt iridx jiddikjara l-indipendenza jew le lir-reġjun tiegħu, hekk kif it-tensjoni dejjem qed tiżdied .
Nhar it-Tlieta li għaddew Puigdemont u mexxejja oħra mill-Katalunja ffirmaw id-dikjarazzjoni tal-indipendenza iżda qalu li mhux se jimplimentawha biex ikunu jistgħu jsiru negozjati.
Sadanittant, ilbieraħ il-mexxej Katalan żar il-mafkar ta’ Lluis Companys, mexxej Katalan li fl-1940 ġie ġġustizzjat għall-mewt mid-dittatur Spanjol Franco.
Diż-żjara kienet simbolika immens, u fakkret ukoll f’kumment li għadda wieħed mill-Membri Parlamentari Spanjoli tal-Partit tal-Poplu li jmexxi l-Prim Ministru Rajoh, meta dan qal li jekk Puigdemont jibqa’ sejjer biha din tal-indipendenza l-istess jista’ jġri.
Waqt iċ-ċerimonja ta’ lbieraħ, il-mexxej Katalan instema’ jgħid li f’isem il-gvern reġjunali Katalan u anki f’ismu, se jibqa’ jqis il-paċi, is-serenità, iċ-ċiviltà u d-demokrazija bħala l-ispirazzjonijiet ewlenin għad-deċiżjonijiet li se jieħu dil-ġimgħa stess.
Jekk illum Puigdemont jiddeċiedi li jiddikjara l-indipendenza, Rajoh qal li jagħtih sal-Ħamis biex jibdel fehemtu, u jekk sa dakinhar ma jibdilhiex, jissospendi l-awtonomija li bħalissa tgawdi l-Katalunja bħala reġjun.