​“Sal-2050 l-Ewropa mhux se tibqa’ Kristjana; nittama li tibqa’ demokratika”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia qal li sal-2050 l-Ewropa mhux se tibqa’ Kristjana u żied jgħid li jittama li “għallinqas tibqa’ demokratika”.
Waqt kollegament telefoniku fuq Radio101, Delia qal li riċentement attenda għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) u tkellem dwar kif l-Ewropa mhux se tibqa’ Kristjana minħabba l-immigrazzjoni. Qal li hemm bżonn pjan serju dwar din il-kwistjoni. Żied jgħid li tkellem ukoll dwar Brexit u kif din se taffettwa lil Malta.
Fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Delia qal li nġabret somma rekord ta’ €92,000 minn Għawdex waqt maratona ta’ ġbir ta’ fondi għall-PN. Qal li l-Għawdxin qalulu li lesti jerġgħu jibdew jemmnu fil-PN.
Delia rrimarka li l-Gvern Laburista huwa kompliċi ma’ nies li qed jużaw lil Malta għal skopijiet illeċiti. Tkellem dwar kif jaħseb li l-Maltin iridu jingħaqdu flimkien biex iġielgħu lill-Gvern jieħu azzjoni.
Il-Kap tal-PN qal li l-partiti għandhom bżonn l-abbilità li jxandru l-messaġġ tagħhom u li hemm il-ħtieġa li jinstabu modi ġodda għall-iffinanzjar tal-partiti.
Saħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm oppożizzjoni b’leħen wieħed f’Malta biex titkellem favur il-poplu u d-demokrazija.
Fi kliem Delia, f’Malta qed tqum kwistjoni wara l-oħra – tat-trabi fil-ġuf u tar-reputazzjoni ta’ Malta. Stqarr li l-Gvern ma jridx jaf dwar dan kollu u se jibqa’ sejjer kif inhu sejjer.
Reazzjoni tal-PL
F'reazzjoni għad-diskors ta' Delia, il-Partit Laburista qal li Delia m'għandu l-ebda tip ta' viżjoni. Qalu li Delia juża metodi ta' management bi crisis u ta' knee jerk reactions. Skont il-PL, filwaqt li Delia m'għandux ideat, il-Prim Ministru qed jikseb aktar riżultati għal Malta.
Ritratt: PN