Sal-2030 ir-rata tal-kanċer f’Malta se titla’ għal 49%

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li skont il-fond dwar ir-riċerka tal-kanċer dinjija huwa mistenni li sal-2030, ir-rata tal-kanċer f’Malta se titla’ għall-49%.

Dan qalitu waqt laqgħa mmexxija mit-Third High-Level Meeting waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li ma jittiħidx.

Fuq nota pożittiva il-President semmiet li naqas drastikament il-mewt ikkaġunat minn mard tal-qalb ġej minn nuqqas ta’ ċirkulazzjoni tad-demm. Issemmi ukoll li l-kura tal-kanċer qed tagħmel l-avvanzi tagħha, partikolarment fis-saħħa pubblika relatata mat-tipjip.

Coleiro Preca issemmi ukoll li r-rata tal-obeżità f’Malta tibqa’ fattur li jikkonċerna s-saħħa pubblika f’Malta. Il-president issemmi l-miżuri li ħa l-Gvern biex jikkontrolla l-użu tat-tabakk, kif ukoll diversi inizjattivi biex jiġi kkontrollati aktar mard li ma jittiħidx.

Il-President tgħid li tinsab infurmata li Malta aċċettat li timplimenta l-protokoll biex jelimina l-kummerċ illeċitu fil-prodotti tat-tabakk li daħal fis-seħħ ilbieraħ. Coleiro Preca issemmi numru ta’ strateġiji li l-għan tagħhom huwa li jitnaqqas il-mard li ma jittiħidx. Dawn jinkludu pjan ta’ politika u azzjoni dwar l-ikel sustanzjuż, politika nazzjonali dwar l-alkoħol, kif ukoll strateġija nazzjonali dwar il-kanċer.

Il-President awgurat li ssir aktar riċerka ffukata fuq il-kawża tal-kanċer kemm f’Malta kif ukoll fil-Mediterran.  Ħeġġet ukoll lill-kapijiet ta’ pajjiżi oħra biex jintlaħqu l-miri tal-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll biex jiġi indirizzat dat-tip ta’ mard.

Il-President appellat biex jissaħħu l-kollaborazzjonijiet bejn awtoritajiet tas-saħħa, il-professjonisti, is-settur privat kif ukoll is-soċjetà ċivili, mhux biss fuq livell nazzjonali iżda ukoll fuq livell internazzjonali.