Sal-14 ta’ Ottubru t-tfal kollha se jkunu daħlu l-iskola

Aġġornat 02:04 PM

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li sal-14 ta’ Ottubru, it-tfal kollha se jkunu daħlu lura fl-iskejjel. Il-ġenituri se jirċievu informazzjoni mill-iskejjel tagħhom dwar meta wliedhom se jibdew l-iskola.

Kif se taħdem is-sistema?

  • It-tfal u l-istudenti tal-iskejjel tal-Istat tal-età obbligatorja ma jibdewx l-ewwel ġurnata tal-iskola kollha fl-istess jum fit-30 ta’ Settembru 2020 iżda minflok id-dħul lura fl-iskejjel jitqassam fuq medda ta’ jiem differenti, skont is-sena tagħhom, fuq perjodu ta’ mhux iktar minn ġimgħa b’effett mis-7 ta’ Ottubru 2020.
  • Sal-14 ta’ Ottubru t-tfal kollha jkunu daħlu lura l-iskola.
  • L-edukaturi se jirritorna lura fl-iskejjel fit-28 ta’ Settembru, jiġifieri nhar it-Tnejn li ġej
  • L-ewwel ġurnata ta’ attendenza għall-istudenti, għalhekk, se tkun differenti skont is-sena tagħhom. Il-ġenituri u l-kustodji se jkunu qed jirċievu informazzjoni dettaljata llum stess mill-iskejjel tagħhom.
  • Għall-perjodu ta’ bejn it-30 ta’ Settembru u t-13 ta’ Ottubru, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se testendi s-servizz tagħha ta’ ‘Bridge Holidays’ bejn is-7am u s-2.30pm fiċ-ċentri tagħha, bla ħlas.
  • B’effett mit-30 ta’ Settembru, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tibda toffri wkoll is-servizz ta’ Klabb 3-16, mis-2.30pm sas-6pm fiċ-ċentri tagħha.

Il-Ministeru qal li qabel jinfetħu l-iskejjel, risk assessors indipendenti u reġistrati mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol spezzjonaw l-iskejjel kollha sabiex jiċċertifikaw li dak preskritt fil-linji gwida ġie implimentat f’kull skola. 

Lezzjonijiet irrekordjati minn qabel

Fakkar li l-ġenituri se jingħataw il-libertà li jagħżlu jekk jibagħtux lit-tfal tagħhom l-iskola, u li kulma għandhom jagħmlu hu li jinfurmaw lill-iskola bid-deċiżjoni tagħha. Stqarr li se jkunu provduti wkoll lezzjonijiet irrekordjati minn qabel fuq l-internet bla ħlas.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni stqarr li “m’hemm l-ebda dubju li l-aqwa edukazzjoni għat-tfal tinkiseb fil-klassi u li dan hu kkonfermat kemm mill-esperti tal-edukazzjoni u internazzjonali, kif ukoll mill-awtoritajiet tas-saħħa”.

Fisser li l-għeluq tal-iskejjel minħabba l-Covid-19 wassal “għall-ikbar impatt negattiv li qatt għexna fuq livell globali fil-qasam edukattiv fl-aħħar ġenerazzjonijiet”. Ikkwota l-linji gwida maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fit-2 ta’ Settembru, “li jgħidu b’mod ċar li hu imperattiv li l-iskejjel jerġgħu jiftħu għas-sena skolastika li jmiss u li t-tfal għandhom jirritornaw għall-edukazzjoni tagħhom fl-iskola matul l-imxija tal-Covid-19, għaliex l-istudenti l-iktar li hemm ċans li jsofru dannu jekk ma jattendux l-iskola”.

L-MUT tilqa’ l-posponiment tal-ftuħ tal-iskejjel għall-istudenti

L-MUT fi stqarrija laqgħet il-posponiment tal-ftuħ tal-iskejjel għall-istudenti, ” biex l-iskejjel ikollhom iċ-ċans jaġġustaw ruħhom għat-talbiet imressqa mill-protokoll u biex tagħti żmien ħalli jiġu solvuti kwistjonijiet pendenti”. Dwar dan, l-MUT se tniedi formola online sabiex timtela mill-membri tagħha dwar problemi speċifiċi biex jiġu indirizzati. L-unjin tal-għalliema qablet ukoll mad-deċiżjoni li l-istudenti ma jibdewx kollha fl-istess ġurnata.

Jammetti li mhux ippreparat jibda s-sena fil-ħin – Clyde Puli, PN

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli stqarr “li l-iskejjel se jiftħu tard għaliex bl-ammissjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni stess il-preprazzjoni tal-iskejjel għall-ftuħ bdiet tard wisq minkejja li kien ċar li l-mewġ tal-pandemija ma kienx se jieqaf”.

Fi stqarrija, Puli qal li issa huwa importanti li l-perjodu ta’ posponiment tal-ftuħ tal-iskejjel jintuża: 

  • biex issir il-ħidma li ma laħqitx saret sabiex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal u tal-edukaturi
  • biex isir sforz serju biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-pandemija, għaliex skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) Malta qed tiġi meqjusa bħala waħda minn seba’ pajjiżi ta’ “tħassib kbir”.
  • u biex isiru l-preparamenti għal edukazzjoni onlajn ta’ kwalita illi s’issa għadhom ma sarux għaliex il-Ministeru ħareġ is-sejħiet biex isir xogħol fuqhom ftit tal-ġranet ilu biss.

Lestu kollox u spjegaw lill-ġenituri – MAPSSS

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti fi Skejjel tal-Istat (MAPSSS) laqgħet il-posponiment tal-iskejjel b’ġimgħa u l-aħbar li l-iskejjel se jiftħu b’mod imtarraġ fuq perjodu ta’ ġimgħa skont is-snin rispettivi. Fi stqarrija, l-MAPSSS saħqet li sal-ewwel jum tal-iskola, kull xogħol preparatorju għall-implimentazzjoni tal-protokolli maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa għandu jkun lest u spjegat lill-ġenituri.

Deċiżjoni tal-aħħar minuta se tħalli effetti fuq l-istudenti, ġenituri li jaħdmu u ħaddiema – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ tinsab diżappuntata li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-iskola ġiet ikkomunikata fil-11am. Filwaqt li stqarret li dan il-mod jista’ jkun soluzzjoni valida, spjegat li deċiżjoni tal-aħħar minuta se jkollha żgur effett fuq l-istudenti, il-ġenituri li jaħdmu u l-impjegati. Insistiet li l-iskejjel li jinsabu lesti li jiftħu għandhom jiftħu mill-ewwel.

Int se tibgħat lil uliedek l-iskola?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt