Sal-1 ta’ Novembru hemm 9,000 swab test ippjanati

swabbing center

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li aktar minn 9,000 swab test huma ppjanati li jsiru sal-1 ta’ Novembru. Huwa kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Maria Deguara.

Fearne qal li t-testijiet qegħdin isiru skont il-prijoritajiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u żied li persuni li se jkunu qegħdin jagħmlu r-rapid antigen test se jingħataw prijorità. Il-prijorità se tingħata wkoll lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa kif ukoll persuna li għandhom bżonn akkomodazzjoni.

Familjari ta’ pazjenti pożittivi u li kellhom kuntatt dirett mal-persuni pożittivi se jingħataw appuntament fl-istess ġimgħa. Persuni li se jkunu ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fil-lista l-oranġjo u persuni jaħdmu fl-iskejjel se jkunu qegħdin jiġu ttestjati fi żmien 10 ijiem. 

Mhux se tkun qiegħda tingħata prijorità lil dawk il-familjari ta’ persuni li kellhom kuntatt ma’ persuni li kienu pożittivi għall-Covid-19. Fearne żvela li persuni li se jkunu qegħdin jagħmlu operazzjoni, se jkunu qegħdin jagħmlu swab test fiċ-ċentru tal-iswabbing ta’ Mater Dei. Se jkunu qegħdin isiru swab tests lill-ħaddiema tas-saħħa li jkunu qegħdin juru sintomi jew li jirritoraw lura mis-safar filgħodu filwaqt li waranofsinhar se jkunu qegħdin jagħmlu t-test il-familjari tagħhom. Wara l-4pm se jkunu qegħdin isiru testijiet lill-komunità fiċ-ċentru tal-iswabbing ta’ Mater Dei.

Fearne spjega li persuni li qegħdin jingħataw prijorità qed jingħataw appuntament f’24 siegħa. Ħaddiema fil-qasam tas-saħħa qegħdin jagħmlu swab test fl-istess ġurnata. Familjari ta’ pazjenti pożittivi qegħdin jingħataw appuntament f’erbat ijiem. Persuni li ġejjin minn barra minn Malta u ħaddiema fl-iskejjel qegħdin jingħataw appuntament sa sebat ijiem wara. Persuni anzjani li jinsabu fi djar residenzjali qegħdin jiġu ttestjati mill-infermiera u jittieħdu dirett fil-laboratorju ta’ Mater Dei direttament.