Sajjieda Tuneżin ma jħallux bastiment kontra l-immigranti jidħol fil-port

Sajjieda Tuneżini żammew bastiment li kien mikri minn attivisti kontra l-immigrazzjoni milli jidħol fil-port u ġiegħlu l-bastiment jibqa’ miexi tul il-kosta tal-pajjiż lejn it-tramuntana.
Dan il-bastiment huwa kkummissjonat minn grupp tal-lemin estrem li l-għan tiegħu huwa li jwaqqaf l-immigrazzjoni. Il-grupp Generation Identity għandu preżenza qawwija fil-Ġermanja, Franza u l-Italja, u l-politika tiegħu hija waħda kontra l-Iżlam u kontra l-immigrazzjoni.
Nhar il-Ħadd li għadda, il-bastiment li qed itajjar il-bandiera tal-Mongolja, ġie mġiegħel idawwar u ma jidħolx fil-port ta’ Zarzis.
Fl-1 ta’ Awwissu huwa mbarka minn Ċipru u ġie avżat biex ma jersaqx lejn Sqallija jew Greċja minħabba biża’ ta’ protesti.
Huma sabu għadma iebsa mis-sajjieda Tuneżin hekk kif iddeċidew li jekk jirfes lejn it-territorju tagħhom, jimblokawlu ż-żona minn fejn il-vapuri jieħdu l-fjuwil.
L-Awtoritajiet Tuneżin qalu li din hija lanqas ħaġa li jistgħu jagħmlu biex jiddefendu l-Musulmani u l-Afrikani li ta’ kuljum qed jitilfu ħajjithom fil-Mediterran.
Il-grupp Generation Identity semmew l-missjoni tagħhom bħala Defend Europe, u l-bastiment qed ibaħħar biex ixxekkel lill-persuni li qed jittraffikaw lill-migranti fil-kosta Libjana, kif ukoll tgħasses fuq organizzazzjonijiet li jsalvaw lil dawn il-persuni biex tara li qed jagħmlu xogħolhom sewwa.
Persuni li qed imexxu l-bastiment qalu li l-NGOs li qed isalvaw lill-migranti mill-baħar qed imorru jiġbruhom qrib wisq tal-kosta Libjana, allura qed jgħidu lit-traffikanti Libjani biex ikomplu b’xogħolhom għax hemm min isalvahom ftit ’il bogħod.
Huma jikkonkludu li l-NGOs b’hekk qed jgħinu aktar lit-traffikanti, u jinstigaw aktar migrazzjoni.
Generation identity jemmnu li l-immigrazzjoni bil-massa qed tibdel il-karattru tal-Ewropa.