Sajjieda tat-tonn: kumpens ta’ €2 għal kull kilo

Il-Gvern nieda skema ta’ kumpens għas-sajjieda li jistadu għat-tonn. Il-fondi allokati għal din l-iskema huma ta’ €720,000.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali qalet li bħalma l-Gvern intervjena f’ċerta setturi li ntlaqtu mill-pandemija tal-COVID-19 daqstant ieħor se jintervjeni f’dan is-settur.

Is-sajjieda tat-tonn se jkunu qed jibbenefikaw minn allokazzjoni ta’ €720,000 mill-fondi nazzjonali sabiex jipprovdi għajnuna lis-sajjieda ta’ bastimenti li reġistrati MFA u MFB li ġew allokati kwota sabiex jistadu għat-tonn fl-2020.

Is-sajjieda li japplikaw għal din l-iskema se jkunu intitolati €2 għal kull kilogramma ta’ kwota allokata mid-Dipartiment fl-2020 għal qbid tat-tonn.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li fl-aħħar xhur il-konsum tal-ħut fil-Gżejjer Maltin naqas sostanzjalment minħabba ċerta fatturi. Żied li l-bejgħ tal-ħut lokali naqas b’konsegwenza ta’ diffikultajiet fl-esportazzjoni.

Fil-jiem li għaddew, bdew jitqassmu l-applikazzjonijiet lis-sajjieda kkonċernati. Wieħed jista’ wkoll iniżżel il-formola tal-applikazzjoni mill-paġna ta’ Facebook tad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura.

Dawk interessati għandhom jibagħtu bil-posta l-applikazzjoni tagħhom, flimkien ma’ dokumentazzjoni oħra mitluba, lid-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura fl-Għammieri sa mhux aktar tard mit-Tlieta, 22 ta’ Settembru. L-applikazzjonjiet jistgħu wkoll jiġu impustati fl-uffiċini tal-ħatt tal-ħut madwar Malta u Għawdex.

Din l-iskema ta’ kumpens qed tiġi amministrata mid-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura. F’każ ta’ xi diffikultajiet, wieħed għandu jċempel lid-Dipartiment għal aktar informazzjoni fuq 22926845 jew 22926831.