Sajjieda Taljani rrabjati li l-Awtoritajiet Maltin jissekwestraw il-bastiment

L-Assoċjazzjoni tal-Koperattivi tas-Sajd Taljana qed tappella lill-Awtoritajiet Maltin sabiex iħaffu l-proċess biex bastimenti tas-sajd Taljani jkunu jistgħu jistadu f’żona li fuqha m’hemmx qbil.
Dan l-appell qiegħed isir wara l-aħħar każ fejn bastimentitas-sajd Taljan ġie ssekwestrat mill-Awtoritajiet Maltin.
It-Tlieta li għadda, l-bastiment Helios ġie ssekwestrat meta kien jinsab bejn 12 u 25 mil nawtiku ‘l barra mill-kosta ta’ Malta.
L-Assoċjazzjoni Taljana tas-Sajd qed tisħaq li qed jinħolqu kwistjonijiet li jistgħu jiġu evitati bejn is-sajjieda Maltin u Taljani f’din iż-żona.
L-Assoċjazzjoni Taljana qed tinsisti li din iż-żona mhix parti mill-baħar territorjali Malti imma ġiet modifikata skont l-Artiklu 21 tal-Att dwar is-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Fis-Sajf li għadda kien hemm każ ieħor li qajjem kjass kbir fi Sqallija meta ġew arrestati s-sajjieda li kienu abbord il-bastimenti Principessa u La Madoninna.
Wara dan il-każ, is-sajjieda Sqallin kienu ltaqgħu mal-Awtoritajiet Sqallin u Taljani fejn ilmentaw fuq il-mod kif l-Awtoritajiet Maltin qed jimxu mas-sajjieda Taljani.
Kienu saru wkoll laqgħat bejn l-Awtoritajiet Maltin u Sqallin fuq dawn il-każi fejn kienet tressqet talba biex sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu evitati.