Sajjieda Maltin ma jaqblux ma’ regoli ġodda tal-UE dwar is-sajd

Ministri Ewropej għas-sajd ftehmu li jeliminaw id-drawwa li ħut żejjed li jinqabad jerġa jintrema’ fil-baħar. L-Għaqda Koperattiva tas-Sajd ma taqbilx ma’ din ir-regola.

Wara laqgħa ta’ ħafna siegħat, Ministri Ewropej qablu li minn Jannar 2014, ċertu tipi ta’ ħut li ma jkunx se jiġi użat jintrema’. Skont il-Ġnus Magħquda, pajjiżi Ewropej huma dawk li l-aktar li jarmu ħut. Infatti huwa stmat li kwart tal-ħut li jinqabad jerġa jsib ruħu fil-baħar, bla ħajja.

Is-Segretarju tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd, Ray Bugeja, qal li fost oħrajn id-direttiva hija mmirata biex ikun magħruf kemm qed jinqabad ħut. Għan ieħor hu li minflok jintrema’, il-ħut żejjed jiddaħħal fix-xatt, ikun jista jingħata jew jinbiegħ bi prezz baxx lill-organizazzjonijiet tal-karità. Minkejja li dawn huma kollha għanijiet pożittivi, il-Koperattiva Maltija ma taqbilx mad-direttva li se tiba’ tidħol fis-seħħ 10 xhur oħra. Bugeja qal li b’dan il-mod is-sajjieda se titnaqqsilhom il-kwota ta’ ħut tajjeb li jistgħu jidħlu bih, għaliex ammont bil-piż se jkun ħut li mhux tajjeb għas-suq normali.

Staqsejna jekk jistax ikun li ħut mormi fil-baħar ikun ta’ ħsara għall-ħajja naturali tal-baħar.

Staqsejna jekk jinqabadx ħafna ħut żejjed f’Malta. Hawnhekk Bugeja tkellem dwar paradoss għas-sajjieda: minn naħa waħda l-liġi Maltija tgħid li sajjieda ma jistgħux iġibu lejni x-xatt ħut li mhux suppost, filwaqt li l-liġi ġdida tiprojbixxi li ħut jerġa jitħalla fil-baħar.

Xi eċċezzjonijiet għar-regola l-ġdida tal-Unjoni Ewropea se japplikaw għal Spanja, Franza u l-Portugall. Skont it-tip ta’ sajd li jagħmlu dawn il-pajjiżi, ikun jiswa wisq flus biex tiddaħħal kull ħuta li tinqabad.