Sajjetta tolqot Knisja; toqtol 16-il persuna

Sajjetta qatlet tal-inqas 16-il persuna u weġġgħet madwar 140 oħra wara li laqtet Knisja fl-Irwanda.
Il-maġġoranza tal-vittmi mietu fuq il-post malli ntlaqtet il-Knisja li qegħda fid-distrett tan-nofsinhar ta’ Nyaruguru.
Żewġ persuni mietu l-isptar wara li sofrew ġrieħi serji, filwaqt li madwar 140 persuna oħra ttieħdu fl-isptarijiet u l-kliniċi tal-madwar. Skont it-tobba, tlieta biss minn dawn għadhom f’kundizzjoni kritika.
L-inċident seħħ is-Sibt, għall-ħabta ta’ nofsinhar, waqt li kien hemm Quddiesa għaddejja.
Skont rapporti, dawn l-inċidenti qed isiru hekk kif numru ta’ knejjes ma kellhomx l-apparat neċessarju li jipprevjeni li l-bini jintlaqat mis-sajjetti. Kawża ta’ dan, fl-aħħar ġimgħatejn ingħalqu mas-700 Knisja fl-Irwanda.