Sajf tajjeb għall-industrija turistika f’Għawdex

It-tliet xhur tas-sajf, bejn Lulju u Settembru, kienu meqjusa tajba għall-industrija turistika Għawdxija.
Stħarriġ li għamlet l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) qalb l-operaturi fil-gżira, juri li 75% jikkunsidraw l-andament tas-sajf bħala tajjeb jew tajjeb ħafna.
Imqabbla mat-tliet xhur tas-sajf tas-sena l-oħra, 42.8% qalu li din is-sena marru aħjar, waqt li daqstant ieħor rrimarkaw li n-negozju kien fl-istess livell tas-sena l-oħra. 14.4% biss qalu li s-sajf ta’ din is-sena kien agħar minn dak tas-sena l-oħra.
F’dawk li huma l-ewwel 9 xhur tas-sena, l-istħarriġ tal-GTA juri li nofs l-operaturi turistiċi rrappurtaw dħul aħjar mis-sena ta’ qabel, waqt li 14.2% qalu li marru agħar.
Is-settur turistiku kien mitlub ukoll jidentifika l-fatturi li qed jillimitaw l-andament tan-negozju tagħhom.
Kwart tal-operaturi semmew in-nuqqas ta’ ħaddiema waqt li kwart ieħor qalu li hemm nuqqas ta’ domanda mill-klijenti. Ftit iktar minn 35% qalu li huma l-ispejjeż operattivi li jfixkluhom waqt li ftit iktar minn 14% semmew il-burokrazija amministrattiva. 
Ritratt: Paul Scicluna