Sajf ieħor ta’ klassijiet ta’ reviżjoni tal-O-levels bla ħlas

Fetħu l-applikazzjonijiet għall-klassijiet ta’ reviżjoni

Fetħu l-applikazzjonijiet għall-klassijiet ta’ reviżjoni bla ħlas għall-eżamijiet tas-SEC. Proġett ta’ Jobsplus bl-iskema Youth Guarantee b'fondi Soċjali Ewropej. Awguri lil dawk li kisbu t-tragward tagħhom – kuraġġ lil dawk li se jagħmlu l-ezamijiet tas-SEC f’Settembru.Inheggeg lil kulhadd ikompli ghaddej bil-vjagg edukattiv tieghu jew taghha. Se ssibuna warajkom biex intukom il-kuragg u l-ghajnuna li hemm bzonn biex narawkom tirnexxu.

Posted by Owen Bonnici on Tuesday, July 14, 2020

Dan is-sajf se jerġgħu jiġu organizzati klassijiet ta’ reviżjoni tal-O-levels (SEC) bla ħlas għas-seba’ sena konsekuttiva.

Fi stqarrija konġunta l-Ministeru għall-Edukazzjoni u s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej qalu li l-proġett qed isir taħt il-Youth Guarantee Project, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Din l-inizjattiva, li hija mmexxija minn Jobsplus, hija mmirata għall-istudenti li se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tal-O-levels f’Settembru fil-Bijoloġija, fl-Ingliż, fil-Malti, fil-matematika u fil-fiżika.

Il-klassijiet se jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat f’ċentri fir-Rabat Għawdex, fil-Mosta, f’Pembroke, f’Ħal Kirkop u f’Raħal Ġdid u se jsiru mis-27 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Awwissu. Studenti ta’ etajiet bejn il-15 u l-24 sena li se jagħmlu l-eżamijiet fis-suġġetti msemmija, kemm f’Paper A u kemm f’Paper B, huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet. L-istudenti jistgħu jagħżlu li jieħdu klassijiet f’massimu ta’ tliet suġġetti.

L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru www.education.gov.mt/revision sat-Tnejn 20 ta’ Lulju 2020, sal-10am.

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 2598 1161 jew iżur il-paġna ta’ Facebook – ‘Youth Guarantee Malta’.