Sajd: Il-Gvern jinsisti li se jibqa’ jħares ir-regola tal-25 mil nawtiku

Il-Gvern qal li s-sentenza tal-Qorti li lliberat sajjieda barranin mill-akkuża ta’ reat ta’ sajd illegali f’baħar Malti, mhix preċedent.
Dan sostnieh b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet mill-Oppożizzjoni lbieraħ, li akkużat lill-Gvern li mhux iħares l-interessi tas-sajjieda Maltin.
Il-Gvern saħaq li se jibqa’ mpenjat li jħares il-25 mil nawtiku u li mill-2013 ’l hawn, kien hemm seba’ okkażjonijiet oħra ta’ sajjieda barranin li nqabdu jistadu f’Malta, bil-Qorti ddeċiedet f’kull każ ħlief wieħed, li Malta kellha raġun.
Il-Gvern qal ukoll li l-każ li għalih irreferiet l-Oppożizzjoni kien inbeda fl-2008 u s-sentenza ngħatat ilbieraħ iżda li d-Dipartiment tas-Sajd ma kienx infurmat bis-seduta.
Spjega li biex isir appell, irid isir skont id-diskrezzjoni tal-Prosekuzzjoni wara talba bil-miktub lill-Qorti biex l-atti jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali skont il-Kodiċi Kriminali.
Fakkar li biex bastiment barrani jistad fil-25 mil nawtiku, irid ikollu permess speċjali u dak Franċiż f’dan il-każ ma kellux. Qal ukoll li meta jkollu provi f’idejh, id-Dipartiment tas-Sajd se jgħaddi kollox lill-Pulizija.
Reazzjoni mill-PN:
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sajd, Toni Bezzina, qal li s-sajjieda saru l-aħħar vittmi tal-ingann ta' Joseph Muscat. Qal li l-fatt li l-Gvern naqas milli jappella sentenza tal-Qorti, ifisser li rema kull protezzjoni li kiseb il-PN għas-sajjieda Maltin u issa kulħadd jista' jistad kemm irid fiż-żona ta' 25 mil madwar Malta.