Said: L-isptar ta’ Għawdex se jirritorna għand il-Gvern; Steward: għaddejjin bid-diskussjonijiet

Read in English.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li sal-aħħar tax-xahar il-kumpanija Steward se jkunu qegħdin jitilqu minn Għawdex u l-Isptar Ġenerali se jkun qiegħed jgħaddi lura għan il-Gvern.

F’kitba fuq Facebook, Said qal li din hija rebħa għall-Partit Nazzjonalista li ilu jiġġieled mill-ewwel ġurnata li ġie svelat li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jiġi privatizzat.

Chris Said żied li fl-aħħar sitt snin ħadd mid-deputati Laburisti Għawdxin ma qal xejn kontra l-privatizzazzjoni tal-Isptar. Saħaq li jittama li l-Gvern jagħti rendikont ċar tal-miljuni ta’ ewro li ħadu Sterward Health Care u Vitals.

Said fakkar li sa Ġunju 2018 f’Għawdex kellu jinbena sptar ġdid b’450 sodda, iżda sal-lum, il-bini ta’ dan l-isptar għadu ma bediex.

Intant, kelliema għal Steward Health Care qalu li fl-aħħar xhur huma kienu għaddejjin b’diskussjonijiet mal-Gvern u żiedu li dawn għadhom għaddejjin.

Fi Frar 2018, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ kawża l-Qorti biex il-kuntratt ta’ bejn il-Gvern u l-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH) li permezz tiegħu nbiegħu tliet sptarijiet jiġi ddikjarat null.
Dakinhar waqt konferenza tal-aħbarijiet barra l-Qorti, Delia kien fakkar kif fid-29 ta’ Jannar tal-istess sena, il-PN kien fetaħ protest ġudizzjarju fuq il-biegħ tal-isptarijiet pubbliċi. Delia kien qal li l-PN se jkompli jagħmel dak kollu li jista’ biex l-isptarijiet ta’ Għawdex, ta’ Karin Grech, u ta’ San Luqa jerġgħu jmorru għand il-poplu Malti u Għawdxi.

F’Lulju li għadda d-direttur tad-ditta ta’ konsulenza Nexia BT qal li l-ftehim li l-Gvern Malti ffirma mal-Vitals Global Healthcare jimmerita li jiġi revokat. Huwa kien qal dan waqt ix-xhieda tiegħu fil-kawża li kien fetaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar l-isptarijiet. F’din il-kawża l-eks Kap Nazzjonalista qal li jrid li l-isptarijiet ta’ Għawdex, ta’ Karin Grech, u ta’ San Luqa jingħataw lura lill-pubbliku.