Said jikkonferma li mhux se joħroġ għal Viċi Kap

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said, li kien wieħed mill-kontestanti fit-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ikkonferma li mhux se jkun qed joħroġ għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap.
Fuq Facebook, Said kiteb li fl-aħħar xahar kellu l-okkażjoni li jiltaqa’ aktar minn darba mal-Kap tal-PN Adrian Delia, fejn assigurah li lest li jservi fi kwalunkwe rwol fejn iħoss li jista’ jagħti kontribut.
Dr Said stqarr li iżda qal lil Delia, li mhux lest li jgħaddi mit-tielet kampanja elettorali tiegħu f’inqas minn erba’ xhur.
Spjega kif xi ħadd li għadda minn esperjenza simili għal tiegħu tul is-sajf, jaf sew x’impatt tħalli kampanja elettorali, mhux biss fuqu imma anke dawk ta’ madwaru speċjalment il-familja.
Chris Said irrimarka li m’hemmx bżonn li jkun deputat mexxej, biex ikompli jservi fil-PN.
Reġa’ ħa l-opportunità lit-48% tat-tesserati li vvutawlu fl-elezzjoni għall-Kap. Żied jgħid li se jagħmel ħiltu biex il-vuċi tagħhom tibqa’ tinstema’ fl-istrutturi kollha tal-partit. 
Illum ippreżenta n-nomina għal kariga ta' Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, id-deputat u Whip Nazzjonalista David Agius. 
Din il-ġimgħa ppreżenta n-nomina għall-istess kariga d-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo. 
Il-kariga l-oħra hi dik ta' Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit, li s'issa tefa' n-nomina għaliha d-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo.