Said iħabbar proposti għal aktar sigurtà fit-triq jekk ikun kap tal-PN

Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, wiegħed li bih fit-tmun tal-partit jenfasizza aktar fuq id-dritt li wieħed jgħix f’Malta mingħajr biża’, b’referenza għall-ġlied li dan l-aħħar żdied fi nħawi bħal Buġibba, San Pawl il-Baħar, is-Swieqi, San Ġiljan u Paceville.
Said qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Pjazza ta’ Buġibba, fejn it-Tnejn inqalgħet ġlieda li fiha twaddab minn kollox, bi tnejn jispiċċaw arrestati.
Said sostna li quddiem vjolenzi ta’ dan it-tip l-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu passivi.
Huwa aċċenna għall-fatt li l-ġlied iseħħ ħafna f’dawn l-inħawi msemmija, anki għall-fatt li dawn huma postijiet fejn jiltaqgħu bosta kulturi differenti.
Madankollu sostna li sakemm barrani josserva l-liġijiet tal-pajjiż, dan ma joħloqx il-problemi li joħloq ħaddieħor.
Said temm jipproponi dawn jekk ikun kap tal-PN:

  • Jitwaqqaf kumitat ta’ sigurtà għaż-żoni turistiċi
  • Gwardjani tar-ronda f’żoni partikulari
  • Jiġi stabbilit reat ġdid għal ġlidiet kbar
  • Ir-reat jitqies aktar gravi jekk tintuża proprjetà privata ta’ persuni terzi
  • Il-Korp tal-Pulizija jerġa’ jibda jgawdi l-fiduċja tal-poplu
  • Ir-ritratti u l-ismijiet tal-aggressuri jibdew jixxandru
  • Il-Pulizija tat-Turiżmu jibdew iħallu effett

Ritratt: Arkivji