Aġġornata: Sai Mizzi tħallas taxxa fuq nofs is-salarju biss – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed isostni li dak li qal dwar il-paga ta’ mart il-Ministru Konrad Mizzi, huwa minnu.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-pakkett ta' €13,000 fix-xahar li Sai Mizzi qed tgawdi mill-Gvern ġew ikkonfermati mill-kuntratt li l-Prim Ministru qiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Il-PN saħaq li minbarra l-lista twila ta’ pagamenti, il-kuntratt jgħid li tħallas taxxa fuq nofs is-salarju biss, għal kuntrarju ta’ dak li jagħmel il-bqija tal-poplu Malti.
Il-Partit Nazzjonalista qal li minbarra s-salarju Sai Mizzi qed tieħu:

  • ħlas għar-residenza fejn toqgħod hi u t-tfal, kollox inkluż ħlief lożor u mħaded;
  • ħlas għall-karozza tagħha, il-fuel u x-xufier, 
  • ħlas tal-iskejjel tat-tfal u allowances oħra
  • ħlas għas-servizz kollu tat-telefown u l-mowbajl
  • ħlas għall-kontejner biex iġġorr, 
  • ħlas għall-kura medika, dentali, u tal-għajnejn, 
  • ħlas ta' insurance għal dak kollu li jista' jinqala', 
  • ħlas għall-ilbies u għad-divertiment f'ospitalità, 
  • u biljetti tal-ajru għaliha u għat-tfal tagħha minn Malta u miċ-Ċina. 

Il-PN qal li stima konservattiva tal-ħlasijiet ta’ mart il-Ministru Konrad Mizzi titla' għal madwar €475,000 ewro li, diviżi b'36 xahar, jiġu €13,000 fix-xahar.
Dwar dak li qal il-Prim Ministru li Sai Mizzi titħallas l-istess bħal ambaxxatur, il-PN sostna li diġà hemm ambaxxatur fiċ-Ċina li hu Clifford Borg Marks, u li nħatar mill-Gvern f’Awwissu li għadda.
Fir-reazzjoni tiegħu, il-Gvern qal li wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni nkixef li kien qed jaqla' minn żniedu dwar il-paga ta' Mizzi, issa telaq b'attakk sfrenat biex jipprova jiġġustifika lilu nnifsu. 
Fi stqarrija, il-Gvern sostna li l-Prim Ministru lbieraħ ippubblika l-kuntratt u l-payslip li kixfu l-gidba tal-Oppożizzjoni u issa qed jippubblika wkoll il-kuntratti li juru li Sai Mizzi m'għandha xejn differenti minn Officers Serving Overseas fi grad ta' Ambaxxatur.