Aġġornata: Il-PN jitlob lill-Gvern jippubblika l-kuntratt ta’ Sai Mizzi

Il-Partit Nazzjonalista, qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu jammetti li l-mod kif saret il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Sai Mizzi kien żbaljat. 
L-istess Partit semma kif ftit tax-xhur ilu, huwa kien ikkritika lill-Gvern ta’ Muscat li din il-ħatra, saret bi ksur ta’ wegħda prinċipali tal-Partit Laburista, dik li jibbaża l-ħatriet kollha tiegħu fuq il-meritokrazija.   
Fi kliem il-Parit Nazzjonalista, dan il-każ huwa nuqqas akbar għax il-persuna li ntgħażlet hija mara ta’ Ministru.
Skont il-Partit Nazzjonalista, il-Gvern qed jikser kull wegħda ta’ trasparenza li l-Parit Laburista wiegħed qabel l-elezzjoni.
Il-kwistjoni dwar il-ħatra u l-paga ta’ Sai Mizzi ilha x-xhur fiċ-ċentru ta’ spekulazzjoni iżda kompliet tiżvolġi aktar tul iż-żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu f’dawn l-aħħar jiem fiċ-Ċina. 
Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li mart il-Ministru Konrad Mizzi qed taqla’ €13,000 fix-xahar u quddiem dan ix-xenarju, il-Partit qed jitlob lill-Prim Ministru biex jippubblika l-kutratt ta’ Sai Mizzi għaliex il-paga tagħha qed toħroġ mit-taxxi li l-poplu Malti u Għawdxi jħallas.

Aktar qabel: Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Sai Mizzi se tibda turi l-payslip iżda l-konċessjonijiet li tingħata huma simili għal dawk li jingħata kull ambaxxatur ieħor.
Rapporti f’ġurnali lokali qalu wkoll li Dr Muscat saħaq li l-kwistjoni ta’ Sai Mizzi hi biss minħabba li hi mart Ministru għax mill-bqija Mizzi tibqa’ l-aħjar persuna magħżula għall-kariga li qed tokkupa.
Jirriżulta li l-Gvern ried li jikkonfronta din il-kwistjoni meta jkollu r-riżultati f’idejh.
Dan hekk kif Sai Mizzi kienet is-suċċess taż-żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu fiċ-Ċina fejn fost l-investimenti mill-Gvern Ċiniż issemmiet ukoll il-proposta ta’ pont li jgħaqqad iż-żewġ gżejjer Maltin.
Il-kwistjoni dwar il-ħatra u l-paga ta’ Sai Mizzi ilha x-xhur fiċ-ċentru ta’ spekulazzjoni iżda kompliet tiżvolġi aktar tul iż-żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu f’dawn l-aħħar jiem fiċ-Ċina.
Fil-jiem li għaddew, Sai Mizzi qalet li l-paga tagħha hi ta’ €3,000 fix-xahar, iżda l-Partit Nazzjonalista baqa’ jsostni li mart il-Ministru Konrad Mizzi qed tieħu €13,000 fix-xahar.