Sahra Pulizija: Supretendent, 2 Spetturi u Surġenti jwieġbu mhux ħatja

Read in English.

Supretendent irtirat, żewġ spetturi, u żewġ surġenti wieġbu mhux ħatja li ffrodaw lill-Korp tal-Pulizija meta ħadu eluf ta’ ewro fi ħlas għal xogħol overtime li allegatament ma sarx.

Fil-Qorti llum nstema’ kif il-Korp irċieva ittra minn xi ħadd li ddeskriva lilu nnifsu bħala “whistleblower”. Fl-ittra saru allegazzjonijiet ta’ frodi minn għadd ta’ uffiċjali tal-Pulizija.

Il-persuni li tressqu l-Qorti llum ġew akkużati bi frodi ta’ xogħol overtime li suppost kellu jsir max-xogħol ta’ kostruzzjoni fil-flyover tal-Marsa. Huma kollha kien jservu fis-sezzjoni tat-traffiku. B’kollox dawk akkużati taw lura aktar minn €47,000 lura lill-Korp.

Skont il-Prosekuzzjoni nstab li l-moħħ wara l-każ ta’ frodi huwa Surġent. Dan kien jikkoordina r-roster.

Il-każ se jkompli jinstema’ f’Settembru.

L-avukati tad-difiża kienu Gianella Demarco, Stephen Tonna Lowell, Michael Sciriha, Ishmael Psaila, u Dean Hili.

Il-Maġistrat kienet Audrey Demicoli.

Fit-8 ta’ Ġunju l-Korp tal-Pulizija ħabbar li ppreżenta akkużi formali kontra 32 persuna b’rabta mal-allegat abbuż fis-sahra fis-sezzjoni tat-traffiku. L-uffiċjali tal-pulizija se jkunu qed jitressqu quddiem il-maġistrati fil-jiem li ġejjin.