Sahra pulizija: Farrugia kien jaf u Abela għamlu ministru xorta – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia semma l-kultura “imnawra u surreali” li ħakmet lill-Korp tal-Pulizija, u qajjem tħassib fuq jekk il-Prim Ministru Robert Abela kienx jaf li l-Ministru Michael Farrugia kien infurmat b’dan meta għamlu Ministru ta’ dekasteru ieħor.

Waqt intervista fuq NET FM, Delia kien qed jirreferi għall-investigazzjoni li qed issir fuq għadd ta’ uffiċjali tal-pulizija li ġew arrestati din il-ġimgħa b’rabta ma’ allegat abbuż mis-sahra. S’issa ġew arrestati 41 uffiċjal, li 31 minnhom ingħataw il-police bail. Il-Korp irċieva seba’ riżenji li kollha ġew aċċettati.

Stqarr li hu infurmat li hemm probabbiltà li ma kienx biss il-Korp li kellu tbagħbis bħal dan għaddej, iżda jaf kien hemm setturi oħra, anke f’ministeri. Iddeskriva din il-kultura bħala waħda ta’ impunità, fejn l-ħażen hu permess kullimkien, u l-pulizija, li suppost jipproteġu lit-tajjeb, qegħdin jagħmlu l-ħażin huma stess.

Il-Kap tkellem fuq il-Ministru Michael Farrugia, li sa xahar ilu kellu f’idejh il-Korp tal-Pulizija. Farrugia lbieraħ qal lill-ġurnalisti li hu ħa azzjoni meta rċieva ittra dwar dan l-abbuż. Delia staqsa jekk il-Prim Ministru Robert Abela kienx jaf li kellu ministru li m’għamel xejn, li mbagħad għamlu ministru xi mkien ieħor. Delia semma r-riżenja ta’ Justyne Caruana minn ministru, u staqsa jekk Caruana ntużatx bħala martri biex teħel hi waqt li l-oħrajn isalvaw.

Sostna għaliex ma jirreżenjax il-ministru responsabbli, b’referenza għal Farrugia, minħabba “il-ħniżrijiet li qed joħorġu.” Irrefera wkoll għall-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri u qal li skont informazzjoni li għandu hu, Magri kien inkarigat mir-responsabbiltà ta’ din il-parti tal-Korp. Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista lest jikkonsulta fuq il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid.

“Għax niddiskutu jaħsbuna qed niġġieldu”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN li għaddejja dalgħodu. Sostna li “kull min ġie dalgħodu għadu hawn u se jibqa’ hawn” b’referenza għall-allegat ġlied fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Delia xejjen dawn l-allegazzjonijiet u qal li meta jkunu qegħdin jiddiskutu, in-nies jinterpretaw dan bħala ġlied.

Huwa awgura lil Francis Zammit Dimech li din il-ġimgħa laħaq Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Qal li ilhom tlett ijiem jaħdmu bla waqfien, u dan sinjal tajjeb li Zammit Dimech mimli enerġija, fi kliem Delia.