Sahra pulizija: 41 arrestati; 31 bil-police bail, 7 riżenji

Read in English.

In-numru ta’ uffiċjali tal-pulizija li huma arrestati issa tela’ għal 41, b’31 minnhom bil-police bail u sospiżi. B’kollox irreżenjaw seba’ persuni minn mindu ħarġet l-aħbar ta’ allegat abbuż mis-sahra, li kollha ġew aċċettati.

Fi stqarrija, il-Pulizija tat l-aħħar aġġornamenti b’rabta mal-investigazzjonijiet li għaddejjin fuq l-uffiċjali tal-Pulizija fit-Taqsima tat-Traffiku.

Il-Pulizija kkjarifikat li s-sahra referuta għaliha tikkonsisti f’extra-duty. Dan is-servizz ta’ extra-duty jingħata lil terzi bi ħlas waqt li l-uffiċjali tal-Pulizija jkunu frank.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u dwar il-każ hemm ukoll inkjesta maġisterjali.

Intant, dalgħodu, f’kummenti lill-ġurnalisti, il-Ministru Michael Farrugia li sal-bidu ta’ din is-sena kien inkarigat mill-Korp tal-Pulizija, qal li kien ikollu jerfa’ responsabbiltà politika li kieku ma ħax azzjoni meta rċieva l-ittra tal-whistleblower fuq il-każ. Huwa kien ordna li tinbeda investigazzjoni.